Saturday, May 4, 2024

“AD QUOS SPECTAT” – Wirja ta’ pittura mil-Kav. Pawlu Camilleri Cauchi

Aqra wkoll

L-artist veteran, Kav. Pawlu Camilleri Cauchi żgur li m’għandu bżonn t’ebda introduzzjoni. AD QUOS SPECTAT huwa l-isem li ġġib il-wirja personali tiegħu li ser tittella’ din is-sena fil-Banca Giuratale, Pjazza Indipendenza, ir-Rabat Għawdex u li, għal darba oħra ġiet ikkummissjonata mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

Camilleri Cauchi huwa artist li bl-arti u l-istil uniku tiegħu żejjen bosta knejjes lokali, kif ukoll oħrajn lil hinn minn xtutna. Barra minn hekk insibu wkoll numru kbir ta’ soċjetajiet mużikali f’pajjiżna, li qed igawdu minn xogħlijiet ta’ Camilleri Cauchi kemm f’dik li hija dekorazzjoni fis-sede rispettiva tagħhom, kif ukoll fejn tidħol il-festa esterna. Dan minbarra l-ammont kbir ta’ xogħlijiet oħra li jinsabu f’kollezzjoni privata lokalment u internazzjonalment.

F’din il-wirja, Pawlu Camilleri Cauchi ser ikun qed jesebixxi madwar erbgħin biċċa xogħol ta’ pittura, li jvarjaw minn arti sagra għal dik profana, kemm fuq stil tradizzjonali kif ukoll kontemporanju, ilkoll b’teknika differenti. Dawn huma kollha xogħlijiet riċenti fejn wieħed jista’ faċilment jinnota li l-attività artistika fi ħdan Camilleri Cauchi baqgħet waħda dinamika u friska li tirrifletti l-kapaċità frott l-esperjenza vasta tiegħu.

Il-wirja AD QUOS SPECTAT ser tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku għada l-Ħamis 21 ta’ Marzu fis-7.00pm u se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 7 t’April. Matul il-ġimgħa, il-wirja se tkun miftuħa bejn it-8.00am u s-2.30pm u s-Sibtjiet bejn id-9.00am u nofsinhar.

Nhar id-Duluri, Ħadd il-Palm, Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgha l-Kbira, il-wirja se tkun miftuħa bejn it-8am u nofsinhar u bejn is-6pm u l-10pm. F’Ħadd il-Għid u l-Ħadd 7 t’April, il-wirja se tkun miftuħa bejn id-9am u nofsinhar. Bla dubju li kull min hu dilettant tal-arti m’għandux jitlef din l-opportunità sabiex iżur din il-wirja.

Sport