L-Ewroparlamentari Daniel Attard indirizza l-Global Tourism Forum fi Brussell, li seħħ nhar it-Tlieta, 10 ta’ Novembru. Dan l-avveniment annwali ġabar flimkien ministri tat-turiżmu, mexxejja tas-settur, investituri u istituzzjonijiet finanzjarji biex jiddiskutu l-futur tat-turiżmu fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Attard laqa’ l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għat-turiżmu sostenibbli u saħaq li issa din trid timxi minn fuq il-karta għall-implimentazzjoni fil-prattika, fosthom billi fuq livell Ewropew, titjieb it-tħejjija għall-kriżijiet li jħallu impatt fuq it-turiżmu. F’dan ir-rigward, L-Ewroparlamentari Laburista ħeġġeġ lill-awtoritajiet u lill-operaturi tat-trasport biex jagħmlu eżerċizzji li jittestjaw il-pjanijiet tagħhom qabel ma tinqala’ emerġenza. Dan għaliex fi kliemu, min jivvjaġġa jkollu aktar fiduċja li jsiefer meta jkun jaf x’jiġri jekk tinqala’ problema.
Dwar kif l-ivvjaġġar jista’ jsir aktar faċli, Attard innota li fl-2025, 61% tal-iljieli li qattgħu turisti f’akkomodazzjoni turistika fl-UE, kienu ta’ viżitaturi minn Stati Membru oħra. Huwa ta eżempji ta’ ċittadini tal-UE li kellhom jgħaddu aktar minn darba minn kontrolli tas-sigurtà u tal-passaporti waqt vjaġġi fl-Unjoni stess. Dan juri kemm għad fadal xogħol biex l-ivvjaġġar ikun aktar faċli għal min jasal minn barra l-UE, qal Attard.
Attard appella għal investiment f’konnessjonijiet aħjar tat-trasport biex tittaffa l-pressjoni fuq l-aktar postijiet iffullati u aktar destinazzjonijiet ikunu jistgħu jattiraw it-turiżmu. Din hija prijorità fir-rapport tiegħu dwar it-turiżmu sostenibbli, li l-Parlament Ewropew approva f’April li għadda. Huwa rabat dan mal-proposta li qed imexxi fil-Parlament dwar ix-xiri tal-biljetti tal-ivvjaġġar online. F’dan il-kuntest, Dr Attard ikkonkluda li konnessjonijiet aħjar u xiri aktar faċli tal-biljetti, jistgħu jagħtu għażla aħjar lil min jivvjaġġa u jgħinu lil aktar komunitajiet igawdu mill-ġid li joħloq it-turiżmu.
