Fairyland, waħda mill-aktar attrazzjonijiet popolari tal-Milied f’Malta, se tiftaħ il-bibien tagħha mill-ġdid bejn l-4 ta’ Diċembru 2026 u t-3 ta’ Jannar 2027.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun akbar minn qatt qabel, hekk kif ‘Santa’s City’ se tkompli tinfirex minn Pjazza Tritoni sal-Fosos, u se tittrasforma l-kapitali f’destinazzjoni festiva mimlija divertiment, attivitajiet għall-familja u esperjenzi uniċi marbuta mal-istaġun tal-Milied.
Din is-sena, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jgawdu minn tliet attrazzjonijiet ġodda li se jkomplu jarrikkixxu l-programm ta’ divertiment. Ma jonqsux l-attrazzjonijiet li saru sinonimi ma’ Fairyland, fosthom ‘Rudolph’s Wheel’, li toffri veduti panoramiċi mill-isbaħ tal-Belt Valletta, ir-rink popolari tal-iskejzjar fuq is-silġ, il-‘Frosty Bike Circuit’, kif ukoll ‘Candy Cane Slide’ li din is-sena se tkun akbar minn qabel.
L-esperjenza ta’ Fairyland se tkun imsaħħa wkoll b’aktar attivitajiet u esperjenzi għall-viżitaturi. L-Artisan Market se joffri għażla ta’ rigali uniċi, xogħlijiet artiġġjanali u prodotti staġjonali, filwaqt li fil-Food Court il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi varjetà ta’ ikel u xorb marbut mal-istaġun tal-festi. F’’Santa’s City’, Santa Klaws se jkun qed jilqa’ lit-tfal u lill-familji li jżuru Fairyland.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela spjega kif Fairyland saret parti importanti mill-kalendarju tal-Milied f’Malta, b’esperjenza li tlaqqa’ lin-nies flimkien u toħloq memorji sbieħ. Sostna li avvenimenti ta’ din ix-xorta jagħtu aktar ħajja lill-kapitali u jkomplu jsaħħu l-prodott turistiku ta’ Malta matul l-istaġun tal-festi. “Fairyland se tkun qed toffri atmosfera unika tal-Milied fil-Belt Valletta kemm lill-familji Maltin kif ukoll lill-viżitaturi li jżuru pajjiżna. Din hija eżempju ċar ta’ kif l-offerta kulturali u dik turistika jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin, u jkomplu jagħmlu lil Malta destinazzjoni attraenti matul is-sena kollha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu(MTA) Carlo Micallef żied jgħid “It-tisħiħ tal-offerta turistika ta’ Malta lil hinn mill-perjodi tradizzjonali tal-aqwa staġun jibqa’ objettiv importanti għall-MTA. Diċembru joffri opportunità eċċellenti biex nattiraw viżitaturi li jkunu qed ifittxu esperjenza festiva distinta, filwaqt li nipprovdu lill-familji lokali avveniment eċitanti fil-qalba tal-kapitali. L-esperjenza ta’ Fairyland tkompli tissaħħaħ permezz ta’ suq ta’ artiġjanat lokali, li joffri prodotti maħduma lokalment u ikel u xorb marbut mal-istaġun tal-festi. Dan is-suq jipprovdi wkoll pjattaforma għall-artiġjani u l-produtturi lokali biex juru l-kreattività, it-togħmiet u t-tradizzjonijiet Maltin.”
Fairyland għal darb’oħra mistennija tagħmel lill-Belt Valletta waħda mill-aktar destinazzjonijiet imfittxija fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied f’Malta, filwaqt li tilqa’ viżitaturi minn kullimkien biex jaqsmu flimkien il-maġija ta’ dan iż-żmien speċjali tas-sena.
