Daniel Attard jindirizza s-summit tal-Euronews dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard indirizza s-summit internazzjonali tal-Euronews dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu, li sar ilbieraħ fi Brussell. Attard, li mexxa r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar it-turiżmu, appella għal investiment li jgħin lis-settur jikber u jtejjeb il-ħajja tar-residenti.

“Is-suċċess fit-turiżmu ma jfissirx biss li jaslu aktar nies. Ifisser xogħol diċenti, negozji lokali li sejrin ’il quddiem u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti,” qal Dr Attard.

Huwa saħaq li l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu fit-tmun tad-deċiżjonijiet dwar it-turiżmu fil-komunitajiet tagħhom. Iżda m’għandhomx jitħallew waħedhom. L-Unjoni Ewropea għandha tagħtihom l-appoġġ, il-fondi u l-informazzjoni meħtieġa biex jindirizzaw sfidi li qed jiffaċċjaw ukoll komunitajiet oħra madwar l-Ewropa.

Attard talab aktar investiment Ewropew f’konnessjonijiet bil-ferrovija, bil-baħar u bl-ajru, kif ukoll fit-trasport lokali. Saħaq li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gżejjer u lil destinazzjonijiet li jiddependu fuq l-ajru jew il-baħar biex jibqgħu konnessi mal-bqija tal-Ewropa.

Huwa qal li konnessjonijiet aħjar jippermettu lil aktar bliet, irħula u gżejjer jibbenefikaw mill-ġid li joħloq it-turiżmu.

“Ma nistgħux ngħidu lin-nies imorru f’postijiet inqas magħrufa jekk imbagħad ma jkunx hemm mezz tajjeb biex jaslu għalihom. L-impenn Ewropew irid jissarraf f’investiment konkret.”

Għal Malta u Għawdex, saħaq Attard, dawn il-konnessjonijiet huma essenzjali kemm għat-turiżmu kif ukoll għar-residenti u n-negozji. Għalhekk, l-investiment għandu jiżgura servizzi affidabbli matul is-sena kollha, li jaqdu l-ħtiġijiet ta’ min jgħix u jaħdem fil-gżejjer tagħna, kif ukoll tal-viżitaturi.

Il-Euronews inkludiet il-messaġġ ta’ Attard fost il-ħames punti ewlenin li ħarġu mis-summit.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport