Iliyan Filipov, is-sid ta’ Botev Plovdiv, inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar fil-belt ta’ Plovdiv, fil-Bulgarija, fis-sigħat bikrin ta’ nhar l-Erbgħa.
Skont rapporti, Filipov inqatel għall-ħabta tas-1.00 am bil-pulizija tagħlaq il-punti ewlenin tad-dħul u l-ħruġ mill-belt.
Il-prosekutur tad-distrett ta’ Plovdiv, Vanya Hristeva, qalet li l-pulizija “qed issegwi b’mod attiv kull indikazzjoni possibbli”.
Filipov kien il-fundatur u l-manager ta’ PIMK, l-akbar kumpanija tat-trasport fil-Bulgarija. Huwa sar sid ta’ Botev Plovdiv f’Ġunju tal-2025, wara li kien involut fl-istrutturi tal-club mill-2023.
Il-club ta’ Botev Plovdiv ħareġ stqarrija biex jagħti ġieħ lill-president tiegħu.
“Botev Plovdiv FC jesprimi n-niket profond tiegħu wara l-mewt traġika tal-president tal-club, Iliyan Filipov. Il-management, il-players u l-istaff tal-club jesprimu l-kondoljanzi sinċieri tagħhom lill-familja, lill-qraba u lill-ħbieb tiegħu,” qal il-club.
L-istqarrija kompliet tgħid li Filipov “se jibqa’ għal dejjem parti mill-istorja ta’ Botev Plovdiv”, filwaqt li enfasizzat il-kontribut tiegħu biex il-club jiġi salvat fis-sajf tal-2025 u d-dedikazzjoni tiegħu lejn it-tim.
Il-club faħħar ukoll ir-rwol tiegħu fir-rikostruzzjoni tal-istadium Hristo Botev. Il-kumpanija PIMK kienet il-kuntrattur ewlieni tal-proġett, li wassal biex sal-aħħar tal-2023 jitlestew erba’ tribuni u struttura tas-saqaf.
Filipov kien involut direttament fix-xogħlijiet, bil-club jgħid li ismu “se jibqa’ miktub b’ittri tad-deheb” għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin wara t-tlestija b’suċċess tar-rikostruzzjoni tal-istadium, li issa għandu kapaċità ta’ 18,777 spettatur.
Botev Plovdiv għandhom ukoll esperjenza fil-kompetizzjonijiet Ewropej, wara li lagħbu erba’ darbiet fil-UEFA Champions League, kif ukoll 34 partita fil-UEFA Europa League u żewġ logħbiet fl-Europa Conference League.




