Huwa mistenni li r-rotot kollha fil-proġett tal-junction ta’ Ħal Luqa jinfetħu fi ftit ġimgħat oħra. Ħabbar dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon waqt briefing li sar għall-ġurnalisti fejn ingħataw aktar dettalji dwar dan il-proġett li qed isir b’investiment ta’ €11-il miljun u li x-xogħol fuqu miexi b’ritmu tajjeb ħafna tant li sa issa tlesta 80% tiegħu.
Falzon spjega li lejn tmiem il-ġimgħa d-dieħla, se jkun ristrett l-aċċess għal Ħal Qormi permezz tal-Luqa Junction Project. Il-flyover se tkun magħluqa sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-proġett.
Huwa rrakkomandat li tintuża t-Triq tas-Sejba, l-Imqabba u Triq Ħal Farruġ meta s-sewwieqa jkunu għaddejjin minn Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, Ħal Safi, l-Imqabba fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi. Rotta alternattiva oħra hija mill-Marsa, meta wieħed ikun qed jivvjaġġa miż-żona tal-Barrani lejn Ħal Qormi.
Waqt l-istess konferenza tħabbar ukoll li Triq tas-Sejba se terġa’ tkun miftuħa għas-sewwieqa mill-Ħadd li ġej u għalhekk se jonqos bil-kbir it-traffiku mill-inħawi tal-proġett.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infastructure Malta Ivan Falzon radd ħajr lill-periti u l-inġiniera kollha li ħadmu fuq il-proġett kif ukoll lill-ħaddiema kollha involuti. Filwaqt li qal li issa se nibdew naraw il-frott tal-ħidma kollha li saret biex ġie finalizzat dan l-investiment.