Saturday, May 4, 2024

Darts: Ħamrun Bayern A jagħtu battikata lil-leaders Qormi Hockey A

Aqra wkoll

Qormi Hockey Club A xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu lil Ħamrun Bayern A 5-3 sabiex baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tad-darts.

It-tim mill-Ħamrun ta battikata kbira liċ-champions tas-sajf hekk kif żamm il-pass magħhom fejn f’mumenti minnhom kien ukoll fil-vantaġġ. Madankollu l-Qriema qatt ma qatgħu qalbhom u b’rimonta liema bħalha ħadu t-tliet punti tant importanti bil-plejers tagħhom Alfred Muscat u Albert Scerri li għaqqdu wkoll il-180 punt.

Qormi Hockey Club A baqgħu jżommu vantaġġ ta’ punt fil-klassifika fuq l-eqreb rivali tagħhom Ħamrun Education Men li min-naħa tagħhom ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Floriana Ajax B 7-1. Fl-istess waqt l-ewwel tim ta’ Floriana laħqu lil Ħamrun Bayern A fit-tielet post tal-klassifika wara rebħa mistħoqqa iżda daqstant ieħor diffiċli ta’ 6-2 kontra Manchester Conquest.

Sliema Inter DC setgħu jiċċelebraw l-ewwel rebħa staġjonali hekk kif fi dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika għelbu lil PO’s Bar 7-1.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, kien hemm konfront ieħor simili bejn Qormi Hockey Club B u Ħamrun Bayern B bil-Qriema li wkoll ħarġu rebbieħa din id-darba bl-iskor ta’ 6-2. Anke Fgura Darts B żammew posthom fil-quċċata hekk kif batew aktar milli mistenni sabiex rebħu lil Buġibba Whyte Harte 5-3.

Sadanittant Munchies Buġibba u Top Gun Bar irreġistraw skor simili ta’ 7-1 kontra B’Buġia St Peters u Żurrieq FC rispettivament.

Interessanti hi s-sitwazzjoni fit-tielet diviżjoni fejn tliet timijiet qed jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika. Hekk kif Beland’s Bull Eye ma kinux fl-azzjoni, St Paul’s Diamonds kisbu tliet punti għas-spejjeż ta’ Cox Sports Bar bir-riżultat finali jkun dak ta’ 6-2. Banda B’Buġia 1990 baqgħu għaddejjin bil-mixja pożittiva tagħhom wara li għelbu lil Mqabba FC 7-1 filwaqt li Mqabba tal-Ġilju xxalaw u għelbu lil Education Bar Ladies 8-0.

Finalment fl-unika partita tal-ġurnata li spiċċat fi draw, Qormi Hornets u Fgura Darts A kisbu punt kull wieħed wara riżultat ta’ 4-4.

KLASSIFIKA – L-EWWEL DIVIŻJONI

Qormi Hockey A 16, Ħamrun Education Men 15, Ħamrun Bayern A, Floriana Ajax A 12, Manchester Conquest 9, Sliema Inter DC 4, PO’s Bar Darts Club 3, Floriana Ajax B 0

KLASSIFIKA – IT-TIENI DIVIŻJONI

Qormi Hockey B 18, Fgura Darts B 16, Buġibba Whyte Harte 12, Munchies Buġibba 10, Ħamrun Bayern B 9, Top Gun Bar, Żurrieq FC 3, B’Buġia St Peter BC 0

KLASSIFIKA – IT-TIELET DIVIŻJONI

Beland’s Bull Eye, St Paul’s Diamonds, Banda B’Buġia 1990, 13, Qormi Hornets 12, Mqabba tal-Ġilju 6, Cox Sports Club 2, Mqabba FC Darts, Fgura Darts A 1, Education Bar Ladies 0

Sport