Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Missieri huwa dilettant kbir u akkanit tal-futbol, u sa minn ċkejken konna mmorru f’parks u grawnds nilagħbu l-futbol. Jien kont inħobb dan iż-żmien flimkien. Iż-żewġ nanniet tiegħi huma wkoll dilettanti tal-futbol. In-nannu Charles dejjem xtaq lili nnifsi nilgħab il-futbol u n-nannu Hugh, Alla jagħtih il-glorja tal-Ġenna u jbierek ruħu, li tani pariri mill-aqwa fuq il-futbol u kien futboler tajjeb huwa nnifsu kien dejjem hemm biex jimbottani. Il-kuġin tiegħi, Zack Scerri, bħalissa huwa l-captain ta’ Gżira United, huwa xi ħadd li kont nammira sa minn żgħir hekk kif l-imħabba tiegħu għall-futbol ġiegħlitni nixtieq nagħmilha f’dan l-isport jien ukoll.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom bħala klabb għal dan l-istaġun?
Fuq livell personali, dan l-istaġun huwa avvanz fil-futbol tal-kbar, u ninsab ħerqan li nkun parti integrali mit-tim u ngħin biex nilħqu l-aspettattivi tat-tim, li nispiċċaw fl-ogħla nofs tal-klassifika u aktar biex timijiet ohra jirrispettaw lil Mġarr United Football Club.
X’tikkummmenta fuq l-andament ta’ Mġarr United matul dan l-istaġun sa issa?
Dan l-istaġun sa issa kien wieħed tajjeb għalina, peressli sirna tim li ħaddieħor jirrispetta. Aħna qed nikkompetu mat-timijiet ta’ fuq u hekk se nkomplu nagħmlu sa tmiem l-istaġun.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-influss kbir ta’ plejers barranin qed iżomm lura l-progress tal-futbol lokali, hekk kif l-opportunitajiet għall-plejers Maltin qed jonqsu minħabba l-mentalità li l-barranin huma aħjar minna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Dawk li jridu jirnexxu fil-futbol, għandhom ikunu lesti għal impenn totali, bħal taħriġ il-Ħadd kmieni filgħodu u vaganzi, li jkunu awto-dixxiplinati, u lesti bil-ħerqa biex jissagrifikaw xi affarijiet li jagħmlu l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ.