Sunday, December 22, 2024

DEĊENTRALIZZAZZJONI JEW DEVOLUZZJONI

Aqra wkoll

Id-deċentralizzazzjoni tiġri meta f’sistema politika, l-amministrazzjoni publika titmexxa mhux minn xi ċentru wieħed imma minn diversi, li b’hekk jinħassu li huma eqreb taċ-ċittadini. Biss effettivament f’dawn iċ-“ċentri” reġjonali jew lokali jkunu qed jitħaddmu l-istess proċeduri bħal ma kien qed isir f’ċentru wieħed.

B’kuntrast, id-devoluzzjoni tfisser arranġament li bih dawk li jinsabu jmexxu ċ-“ċentri” lokali/reġjonali jkollhom il-poter li jdaħħlu, jbiddlu, jneħħu proċeduri ta’ tmexxija publika skont x’iqisu li jkunu l-bżonnijiet taż-żona li huma responsabbli għaliha. Ovvjament f’demokrazija, huma għandhom ikunu eletti miċ-ċittadini.

Sa issa, għalkemm ir-retorika politika tipprova tindika l-kuntrarju, fostna l-kunsilli lokali żviluppaw skont il-mudell ta’ deċentralizzazzjoni. Anke fejn ittieħdu xi passi timidi lejn id-devoluzzjoni – bħal meta kunsill jipprova jdaħħal xi bye-law speċifika għaż-żona li taqa’ taħtu – ikollu jġib il-permess tal-Ministeru qabel titwettaq. Il-gvernijiet kollha qiesu l-pajjiż ċkejken wisq biex il-mudell tad-devoluzzjoni jista’ jiġi segwit b’xi serjetà.

IL-QRAR PRIVILEĠĠJAT?

Kwistjoni delikata li qamet bis-sħiħ fi Franza dan l-aħħar – imma tolqot lill-pajjiżi kollha bi tradizzjonijiet Kattoliċi – hi jekk il-qrar għandux ikun “privileġġjat”: fis-sens li l-qrara li ssir lil qassis tibqa’ sigriet assolut. Anke meta matul il-qrara tingħata informazzjoni ta’ natura kriminali kruċjali…

Reġa’ asserixxa dal-privileġġ arċisqof ewlieni Franċiż ftit wara li nkixef l-iskandlu vast tal-pedofilija fil-Knisja Kattolika tal-pajjiż. Ma setax jagħżel mument agħar biex jistqarr dil-ħaġa. Kontrih qamu l-irwiefen u mill-inħawi l-aktar rispettabbli tal-istat lajk.

Quddiem il-liġijiet republikani, bl-ebda mod is-sigriet tal-qrar ma jista’ jkollu dritt aqwa minn dak li jingħataw il-professjonisti fil-ħidma professjonali tagħhom. Aktar u aktar għandu jkun hekk għax jekk id-dritt li jippretendu l-Kattoliċi jingħatalhom, se jkunu jippretendu l-istess ir-reliġjonijiet kbar l-oħra… il-Lhudija, l-Islam…

KIF L-AĦJAR JIKKUMPENSAW?

Fejn l-għoli tal-prezz tal-enerġija qed jigdem bil-kbir, jidher li malajr daħal qbil biex dawk li l-aktar se jintlaqtu ħażin miż-żieda għandhom jingħataw xi għajnuna. Il-mistoqsija hi: kif għandu jingħata dal-kumpens?

Jekk jingħata sussidju fuq il-prezz billi dan jinżamm anqas milli qed jiddetta s-suq, kulħadd se jibbenefika, mhux biss dawk ta’ dħul baxx. U l-ispiża għall-gvern tista’ tispiċċa enormi. L-istess jekk titnaqqas it-taxxa fuq il-fjuwil per eżempju. 

  Alternattiva tista’ tkun li dawk li għandhom dħul baxx jingħataw sussidju dirett fi flus biex jippermettilhom jilqgħu għan-nefqa akbar li se jkollhom iġorru. Mhux kulħadd qed jara dit-triq bħala waħda attrajenti għax tqajjem, tassew, problemi politiċi. Kif se tiddeċiedi fejn taqta’ bejn min jiflaħ iż-żieda u min le?

L-aktar soluzzjoni faċli tkun tnaqqis fil-VAT. Imma kemm se tilħaq tassew il-mira ewlenija?

Ekonomija

Sport