Deċiżjonijiet favur il-poplu minn Gvern ġdid Laburista

Aqra wkoll

Bħal dejjem, iż-żgħażagħ f’Malta kienu qed jistennew Budget ieħor pożittiv: Budget li jagħti aktar milli jieħu. Din l-aspettattiva għandha tifsira akbar fid-dawl tal-isfidi internazzjonali u tal-pressjonijiet li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ f’pajjiżi oħra. Taqbel jew ma taqbilx mal-Partit Laburista, f’pajjiżna hawn sens ta’ realizazzjoni li dan il-moviment se jkompli jtejjeb il-ħajja tan-nies.

Lil hinn mill-miżuri pożittivi li drajna nistennew, u li kultant kważi nieħdu bħala ‘for-granted’, il-miżuri dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u t-turiżmu ħadu post ċentrali fid-diskussjoni pubblika.

Żgħażagħ Laburisti, intennu li kull ħaddiem f’Malta għandu jingħata rispett u dinjità. Dan jinkludi lill-ħaddiema barranin li jagħtu kontribut importanti f’diversi oqsma, fosthom f’setturi li jsibu diffikultà biex jattiraw biżżejjed ħaddiema Maltin.

Fl-istess waqt, nappoġġjaw bla riservi d-deċiżjoni tal-Gvern li ċerti benefiċċji, bħaċ-childcare u t-trasport pubbliku b’xejn, ma jibqgħux jingħataw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’għandhomx status ta’ residenti fit-tul, skont il-kriterji mħabbra fil-Budget.

Ir-rispett lejn kull persuna jimxi id f’id mar-responsabbiltà li r-riżorsi pubbliċi jitqassmu b’mod sostenibbli u bi prijoritajiet ċari. Il-Gvern għandu d-dmir li jħares l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi u li jiżgura li l-piż tas-servizzi u tal-infrastruttura jinqasam b’mod ġust. Nfakkru wkoll li kif qal il-Prim Ministru l-ebda pajjiż fid-Dinja ma għandu benefiċċji soċjali daqshekk robusti lil kull persuna resident.

F’dan il-kuntest, nilqgħu wkoll il-fatt li t-tfal li diġà jibbenefikaw miċ-childcare b’xejn se jkomplu jibbenefikaw minnu sakemm jibqgħu eliġibbli. Dan jevita li familji li diġà bnew ir-rutina tagħhom fuq dan is-servizz jiffaċċjaw piż finanzjarju ġdid.

Fl-isfond tas-sitwazzjoni internazzjonali, nappoġġjaw li l-Gvern jirrevedi ċerti benefiċċji għal dawn il-kategoriji ta’ nies li jiġu ġewwa pajjiżna b’mod volontarju u fuq kollox biex isaħħu s-soċjetà u l-ekonomija tagħna, filwaqt li jkompli jipproteġi lill-familji Maltin u Għawdxin.

Infakkru wkoll li s-setturi li jimpjegaw ħafna minn dawn il-ħaddiema gawdew, matul l-aħħar snin, minn appoġġ pubbliku sostanzjali: mill-istabbiltà fil-kontijiet tal-enerġija sal-għajnuna lin-negozji u s-suppliment tal-pagi fi żmien il-pandemija. Għalhekk, min iħaddem għandu wkoll jerfa’ sehmu fir-responsabbiltà lejn il-ħaddiema li jġib f’pajjiżna u lejn is-servizzi li dawn jużaw.

Fid-dawl taż-żidiet fl-eko-kontribuzzjoni turistika, nemmnu wkoll li, issa li pajjiżna għandu settur turistiku b’saħħtu, hemm lok għal kontribuzzjoni akbar mit-turisti li jżuruna. Turist ta’ kwalità, li tassew japprezza lil pajjiżna, għandu jkun lest li jikkontribwixxi ftit aktar għas-soċjetà li qed tilqgħu u għall-ħarsien tal-ambjent u l-infrastruttura li jgawdi minnhom matul iż-żjara tiegħu.

Is-soċjetà tiffunzjona meta kulħadd jagħti sehmu: il-Gvern, in-negozji, il-ħaddiema u dawk li jżuru pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport