Friday, October 30, 2026
Home Internazzjonali Il-mexxejja tan-Norveġja u l-Finlandja f’diskursata rari ma’ Putin

Il-mexxejja tan-Norveġja u l-Finlandja f’diskursata rari ma’ Putin

0
64

Il-mexxejja tal-Finlandja u tan-Norveġja kellhom kuntatt rari mal-President Russu Vladimir Putin f’konverżazzjoni konġunta bejniethom. Il-President tal-Finlandja Alexander Stubb u l-Prim Ministru tan-Norveġja Jonas Gahr Støre qalu li l-għan ta’ din il-konverżazzjoni kien li jwasslu messaġġi diretti dwar negozjati futuri għall-paċi. 

Waqt li l-President tal-Finlandja qal li t-tmiem għall-kunflitt fl-Ukrajna mhux se jinkiseb permezz tas-silenzju, l-ebda naħa ma tat x’tifhem li sar xi progress biex tintemm il-gwerra, li bdiet meta r-Russja invadiet fuq skala sħiħa l-Ukrajna fl-2022.

Għalkemm il-mexxej Finlandiż qal li l-konverżazzjoni ma’ Putin kienet sinċiera u sostantiva, il-Prim Ministru tan-Norveġja stqarr li kien hemm differenzi kbar fil-ħsibijiet ma’ Putin.

Diversi mexxejja Ewropej dan l-aħħar urew ir-rieda li jinvolvu ruħhom direttament mar-Russja, madankollu, kemm il-President Finlandiż kif ukoll il-Prim Ministru Norveġiż enfasizzaw li l-inizjattiva tagħhom ittieħdet fil-kapaċità personali tagħhom bħala ġirien tar-Russja, u mhux f’isem l-Ewropa kollha kemm hi.

Stubb żied jgħid li din l-inizjattiva tħejjiet b’konsultazzjoni mal-Ukrajna u l-Istati Uniti, wara laqgħa li saret f’Oslo l-ġimgħa li għaddiet bejn il-President Ukren Volodymyr Zelensky, iż-żewġ mexxejja Nordiċi u l-mibgħut speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff.

L-ewwel taħditiet trilaterali bejn l-Istati Uniti, l-Ukrajna u r-Russja mill-bidu tas-sena ‘il hawn huma ppjanati, b’mod proviżorju, għall-bidu ta’ Novembru li ġej f’Abu Dhabi.

Skont l-uffiċċji taż-żewġ mexxejja Nordiċi, il-Finlandja u n-Norveġja, li jmissu mar-Russja, inizjalaw it-taħdita ta’ 90 minuta – li saret minn Ħelsinki – biex jiddiskutu l-gwerra aggressiva tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-isforzi diplomatiċi biex tintemm il-gwerra u jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa.

Il-Kremlin qal li Putin informa lill-mexxejja li ftehim ta’ paċi ġust u fit-tul huwa possibbli biss jekk l-interessi leġittimi tar-Russja jiġu kkunsidrati bis-sħiħ u mingħajr ebda kundizzjoni.

Putin tenna wkoll lill-mexxejja Nordiċi dak li hu jqis bħala l-kawżi fundamentali tal-kunflitt – frażi li hu juża ta’ spiss biex jirreferi għax-xewqa tal-Ukrajna li teżisti bħala stat sovran.

Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti, l-Ukrajna u l-alleati Ewropej marru għall-agħar minn wara li l-President Amerikan Donald Trump qabel li jneħħi xi sanzjonijiet kontra r-Russja, u b’hekk ippermetta lil Moska tesporta ż-żejt lejn l-Amerka.

Hekk kif il-pożizzjoni tal-amministrazzjoni ta’ Trump dwar ir-Russja saret iktar ratba, diversi mexxejja Ewropej stqarrew li l-Ewropa għandha tipprova terġa’ tistabbilixxi kuntatti diretti mal-Kremlin.

Stubb u Støre huma l-ewwel mexxejja Ewropej li għamlu kuntatt ma’ Putin minn mindu l-President Franċiż Emmanuel Macron kellu konverżazzjoni ma Putin f’Lulju tal-2025.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here