Sensazzjonali r-rebħa ta’ Lula fit-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali tal-Brażil. Ftit stennew li se jirnexxilu jegħleb l-iżvantaġġ li beda bih wara li l-kandidat tal-lemin Bolsonaro għaddieh sew fl-ewwel puntata tat-tellieqa bejniethom.
Lula u Bolsonaro rrappreżentaw tnejn mit-tliet kuntrasti tal-politika demokratika fid-dinja tal-lum: dik tax-xellug progressist versu l-lemin populist. (It-tielet forza li fl-Ewropa qed tmajna, hi dik taċ-ċentru lemin-xellug.) Il-karriera kollha ta’ Lula tat xhieda ta’ kif ix-xellug progressist jista’ joħloq id-dinamika biex jirbaħ l-elezzjonijiet waqt li jsostni politika ta’ solidarjetà soċjali immexxija min-nies tax-xogħol. Din id-darba, dal-moviment kellu wkoll element qawwi ta’ sfida nazzjonali lejn is-super potenzi meta jqisu li l-kobor tagħhom jagħtihom id-dritt jiddominaw.
TIBQA’ L-ISFIDA
Il-baġit għas-sena 2027 kien eżerċizzju ta’ riskju, ħsieb, prudenza u fl-istess ħin sostenn. Riskju għax kompla bil-politika ta’ sussidji li jgħoddu għal kulħadd. Ħsieb għax jidher li ngħatat attenzjoni għal kif il-gvern jista jnaqqas il-ħala u kif b’anqas riżorsi, jista’ jwettaq aktar. Prudenza għax rażżan it-tentazzjoni li jagħti ħafna aktar lil kulħadd biex iżomm ir-rankatura politika. Sostenn għax tħabbru benefiċċji soċjali ġodda – imfassla u preżentati b’mod raġonevoli.
Dan meta wieħed iqis il-biċċa kollha mil-lati pożittivi tagħha, li minnhom hemm ħafna, għalkemm b’riżervi.
Biss il-baġit ma rrispondiex (kif kien hemm min stenna) għall-isfidi strateġiċi – ekonomiċi u soċjali – li jinsabu quddiem il-pajjiż billi jistqarr l-għażliet dwarhom li se jsiru.. Dawn l-għażliet iridu jitqiesu minn perspettivi nazzjonali u jiġu dikjaraati fi stqarrija politika mlaħħma bil-valuri tal-poplu Malti, tal-Partit Laburista u tal-gvern innifsu. Dak mhuwiex il-kompitu ta’ baġit… jew hu?
MIN JAQA’ LURA
Xejn ma jiddistingwi gvern progressiv minn wieħed reazzjonarju aktar minn kif jittrattaw dawk fis-soċjetà li jaqgħu lura, uħud tort tagħhom, ħafna oħrajn għax isibu ruħhom f’qagħda ekonomika u/jew soċjali dgħajfa, jew ikollhom problemi ta’ saħħa. Fil-viżjoni reazzjonarja, il-komunità mhijiex qiegħda hemm biex tintervjeni f’ċirkostanzi “naturali” ħalli fejn ikunu qed jinħolqu problemi għal persuni, tara kif se ssolvihomlhom. Għandhom jissolvew b’mod “naturali” billi kulħadd isib il-livell ta’ għajxien li jgħodd għall-kwalitajiet tiegħu. Jekk f’din is-sitwazzjoni, għandha tiddaħħal xi simpatija jew solidarjetà umana, l-aħjar hu li tingħata minn sorsi filantropiċi privati jew mill-Knejjes.
Bil-maqlub, il-viżjoni progressiva tinsisti favur interventi diretti mill-komunità biex f’isem il-ġustizzja soċjali, dawk li waqgħu lura jingħataw appoġġ ħalli jtejbu ħajjithom. L-interventi ma jitqesux bħala xi forma ta’ filantropija statali. Bit-titjib li jitwettaq, dawk li waqgħu lura jistgħu jsiru ekonomikament, soċjalment u kulturalment aktar produttivi. Dar-riżultat itejjeb il-qagħda tas-soċjetà kollha kemm hi.




