Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Crane Currency Malta Ltd., li se jwassal għal titjib sostanzjali fil-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u diversi benefiċċji oħra.
Il-ftehim, li huwa retroattiv minn April 2025 u jibqa’ fis-seħħ sa Marzu 2029, huwa r-riżultat ta’ xhur ta’ negozjati bejn il-GWU u l-maniġment tal-kumpanija, bil-għan li jintlaħaq qbil li jirrikonoxxi l-kontribut tal-ħaddiema u jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.
Is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-GWU, Jason Gatt, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, filwaqt li enfasizza li r-riżultat miksub huwa frott il-ħidma, id-dedikazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet involuti.
Huwa rringrazzja b’mod partikolari lill-Kumitat rappreżentattiv tal-ħaddiema u lill-ħaddiema nfushom għall-fiduċja, l-impenn u l-appoġġ tagħhom matul il-proċess tan-negozjati, filwaqt li sostna li mingħajr il-kontribut tagħhom ma kienx ikun possibbli li jintlaħaq dan ir-riżultat.
Gatt esprima wkoll ix-xewqa li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-GWU u Crane Currency Malta Ltd., sabiex fil-futur ikomplu jinħolqu opportunitajiet għal aktar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-ħaddiema.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Operat ta’ Crane Currency Malta Ltd., Noel Galea, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar tal-ftehim, li fi kliemu jirrappreżenta pass importanti lejn titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema.
Galea rrikonoxxa li l-proċess tan-negozjati kien wieħed li ħa ż-żmien tiegħu, iżda saħaq li d-djalogu kostruttiv u r-rieda li jinstabu soluzzjonijiet prattiċi kienu kruċjali sabiex jintlaħaq qbil li jirrifletti l-interessi tal-partijiet kollha.
Huwa rringrazzja lir-rappreżentanti tal-maniġment u lill-ħaddiema li pparteċipaw fid-diskussjonijiet, filwaqt li rrimarka li, minkejja d-dibattiti u l-fehmiet differenti li setgħu nqalgħu matul il-proċess, fl-aħħar mill-aħħar il-partijiet irnexxielhom jaslu għal ftehim.
“Nemmen li huwa ftehim ġust, li jirrifletti dak ix-xogħol siewi li għamlu l-ħaddiema tagħna u jippremja b’mod ġust l-isforzi tagħhom,” temm jgħid Galea.
Il-Ftehim Kollettiv ġie ffirmat, f’isem il-GWU, mis-Segretarju tat-Taqsima Jason Gatt, flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema Ruth Formosa, Jason Joseph Azzopardi, Malcolm Bezzina, Malcolm Dalli, Maurizio Camilleri, Jean Carl Mallia u Janet Attard.
F’isem Crane Currency Malta Ltd., iffirmaw id-Direttur tal-Operat Noel Galea, id-Direttur tal-Kumpanija u Chief Financial Officer Kenneth Cortis, kif ukoll id-Direttriċi tal-Kumpanija u Direttur tal-HR International Operations Mariella Marinkovic.
Għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien preżenti wkoll il-President tal-GWU, Jason Deguara.
