Saturday, December 21, 2024

Deċiżjonijiet fuq iż-żewġ uċuħ tal-munita

Aqra wkoll

Ċertu rwoli fis-soċjetà jistgħu joffru ż-żewġ uċuħ tal-munita. Tajjeb li nfakkru kif fl-ewwel xhur tal-pandemija, l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin kienu mfaħħra ferm għal mod ta’ kif kienu qegħdin jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19. Maż-żmien il-pandemija bħal “serqet” ċertu libertajiet u dan wassal biex żdiedet ċertu ansjetà u problemi oħra li għalkemm il-gvern ħaseb biex jindirizzahom ukoll bħala parti mill-pjan lejn in-normalità, il-ferita bħal donnha baqgħet tinħass u se ddum biex tiddewwa kompletament.

L-aktar riċenti kienu l-miżuri li daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar. Dawn il-miżuri ħolqu reazzjonijiet imħallta bl-aktar li wasslu l-messaġġ tagħhom kienu dawk li ħassewhom diskriminati minħabba li għalkemm pajjiżna dejjem kien minn ta’ quddiem, jekk mhux bl-aqwa programm ta’ tilqim fl-Ewropa, spiċċa jdaħħal miżuri li fost affarijiet oħra, ċaħħdu persuni milli jidħlu f’ċertu stabbilimenti mingħajr ċertifikat tat-tilqim.

Iżda bħalma dejjem sar, l-awtoritajiet ma ħallewx din il-karba għaddejja mar-riħ u wara li saret analiżi tas-sitwazzjoni, il-Ministru Fearne ħabbar fil-parlament li minħabba li għandna l-maġġoranza li aċċettaw l-istedina tat-tilqim, minn Frar jistgħu jerġgħu jitnaqqsu ċertu miżuri lejn in-normalità.

Ta’ min ifakkar li qabel din l-aħbar, kien hemm persuni li wettqu dimostrazzjonijiet, oħrajn li semmgħu leħinhom fil-midja u oħrajn li sfortunatament żammew il-krib tagħhom mistur.

B’hekk meta wieħed jixtarr din is-sitwazzjoni minn perspettiva mħawra bejn dawk li xogħolhom huwa li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-poplu li ma jistax jgħix fis-silenzju u skontu li qiegħed jiġi mċaħħad minn ċertu libertajiet jista’ japprezza d-demokrazija li mingħajr il-bżonn ta’ vjolenza tista’ twassal għal deċiżjonijiet li jħarsu s-saħħa tal-poplu filwaqt li tara li ma jkunx hawn min jiġi diskriminat.

Meta nqisu dawn l-episodji kollha nemmnu li kemm dawk li kellhom jieħdu d-deċiżjonijiet, kif ukoll dawk li ma qablux magħhom, it-tnejn kellhom intenzjonijiet tajba, għaliex wara kollox il-munita fiha żewġ uċuħ.

Ekonomija

Sport