Wednesday, December 25, 2024

Defiċit fil-kummerċ taż-żona Ewro jilħaq is-€16.4 biljun

Aqra wkoll

Statistika maħruġa mill-Eurostat turi li f’Marzu li għadda l-kummerċ barrani taż-Żona Ewro laħaq defiċit ta’ €16.4 biljun. Dan filwaqt li d-defiċit tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kollha flimkien ammonta għal €27.7 biljun.

Il-Eurostat, li huwa l-uffiċċju ewlieni tal-istatistika tal-UE juri li l-ewwel stima għall-esportazzjonijiet taż-Żona Ewro ta’ oġġetti lejn il-bqija tad-dinja f’Marzu 2022 kienet ta’ €250.1 biljun — żieda ta’ 14.0 % meta mqabbel ma’ Marzu 2021 (€219.3 biljun). L-importazzjonijiet mill-banda l-oħra ammontaw għal €266.5 biljun li juri żieda ta’ 35.4% meta mqabbel ma’ Marzu 2021 (€196.8 biljun). 

Dan irriżulta b’mod partikolari minn żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet tal-enerġija. B’riżultat ta’ dan, iż-Żona Ewro rreġistrat defiċit ta’ €16.4 biljun fil-kummerċ ta’ oġġetti mal-bqija tad-dinja f’Marzu 2022, meta mqabbel ma’ surplus ta’ €22.5 biljun f’Marzu 2021. Fl-istess xahar, il-kummerċ fi ħdan iż-Żona Ewro tela’ għal €236.8 biljun.

Bejn Jannar u Marzu 2022, l-esportazzjonijiet taż-Żona Ewro lejn il-bqija tad-dinja telgħu għal €666.7 biljun — żieda ta’ 16.6% fuq l-istess tliet xhur tal-2021. F’dan il-perjodu wkoll l-importazzjoni żdiedet għal €719.1 biljun (żieda ta’ 39.7% meta mqabbla ma’ Jannar-Marzu 2021). B’riżultat ta’ dan, iż-Żona Ewro rreġistrat defiċit ta’ €52.4 biljun, meta mqabbel ma’ bilanċ favorevoli ta’ €56.7 biljun f’Jannar-Marzu 2021. Il-kummerċ fi ħdan iż-Żona Ewro tela’ għal €636.0 biljun f’Jannar-Marzu 2022. 

Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea l-ewwel stima għall-esportazzjoni ta’ oġġetti barra mill-UE turi li f’Marzu 2022 kienet ta’ €220.5 biljun, żieda ta’ 12.8 % meta mqabbel ma’ Marzu 2021 (€195.5 biljun). L-importazzjoni mill-bqija tad-dinja kienet ta’ €248.2 biljun, — żieda b’40.4% meta mqabbel ma’ Marzu 2021 (€176.8 biljun). Minkejja dan, l-UE rreġistrat defiċit ta’ €27.7 biljun fil-kummerċ ta’ oġġetti mal-bqija tad-dinja f’Marzu 2022. 

F’Marzu tas-sena l-oħra kien reġistrat bilanċ favorevoli ta’ €18.7 biljun. Il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE tela’ għal €368.7 biljun f’Marzu 2022, li jfisser żieda ta’19.7% meta mqabbel ma’ Marzu 2021.

F’Marzu 2022, meta mqabbel ma’ Marzu 2021, l-Istati Membri kollha rreġistraw żieda fl-esportazzjoni barra mill-UE ħlief is-Slovakkja (-10.6%) u Malta (-8.9%). L-ogħla żidiet kienu rreġistrati fl-Irlanda (+47.0%) u s-Slovenja (+38.7%).

Fir-rigward tal-importazzjoni minn barra mill-UE, l-istampa hija simili. F’Marzu 2022, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra, l-Istati Membri kollha rreġistraw żieda fl-importazzjoni barra mill-UE, ħlief Malta (-8.5%). L-ogħla żidiet ġew osservati f’Ċipru (+121.2%) u fil-Litwanja (+101.3%).

Ekonomija

Sport