Tuesday, December 24, 2024

Dehxa għall-PL

Jikteb Frans Ghirxi

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd li għad­da kienu ppubblikati żewġ surveys, wie­ħed minn The Sunday Times of Malta u l-ieħor minn Mal­taToday. Minkejja ċerti disk­re­panzi bejniethom, it-tnejn li huma taw dehxa lill-Partit Laburista. Il-Laburisti ġenwini jinsabu mnikktin. Irrabjati. Diżappuntati. Beżgħanin. Jinsabu f’dawn is-sitwazzjo­nijiet għax ir-riżultati taż-żewġ surveys ma kienux saj­jetta fil-bnazzi. Għax jafu li l-Partit Laburista ma ħaqqux li jkun f’tali sitwazzjoni. Im­ma għax jafu wkoll li t-twis­sijiet ilhom ġejjin imma donnu li min għandu jagħti wi­den, widen ma tax.

Il-Kabinett, il-Membri Par­lamentari, il-Kunsilli Laburisti u aktar u aktar l-amministrazzjoni tal-Partit La­bu­rista għandhom imorru quddiem mera u jistaqsu lilhom infushom x’sehem ikkontribwew għal tali sitwazzjoni. Mingħajr ma joqogħdu jinħbew wara ebda subgħa.

Nitkellem għalija. Jien La­burist ġenwin b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza. Laburisti ġenwini bħali hawn bl-eluf. Kollha nafu x’kien ifis­ser tkun Laburist ġen­- win taħt amministrazzjoni­jiet Nazz­jonalisti. U allura nitnikket nara r-riżultati li rajt il-Ħadd li għadda.

Ta’ għajta fix-xagħri li jien, ili nikkummenta u niġbed l-attenzjoni, pubblikament u privatament, ta’ x’qed nara. Infakkrek ftit, dwar meta u xi ktibt minn din il-paġna fuq dan is-suġġett.

L-ewwel okkażjoni kienet il-Ħadd, 10 ta’ April, 2022, ftit wara l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2022 bit-titlu ĊIFRI GĦAL MIN GĦANDU JIXTARR. Dakinhar qabbilt il-vo­ti miksuba mill-Partit Laburista fi tliet Elezzjonijiet Ġenerali, Marzu 2013, Ġunju 2017 u Marzu 2022. It-tlieta rebaħhom il-Partit Laburista b’mod komdu imma llum aktar ngħid kemm kelli raġun meta kkonkludejt l-artiklu b’din is-sentenza: (Hemm) Affarijiet li jfissru ħafna u li jitolbu azzjoni.

Erġajt ktibt il-Ħadd, 14 ta’ Awwissu 2022. L-artiklu kien intitolat ŻMIEN TA’ RIFLESSJONI. Artiklu li fih ilmentajt bil-kbir u ġbidt l-attenzjoni ta’ min ħassejt li għandha tinġibidlu. Kitba msejsa fuq dak li nisma’ fit-toroq u fuq dak li jingħadli għax forsi jaħsbu li għandi xi aċċess partikolari, li fil-ve­ri­tà mhux il-każ. Kont temmejt l-artiklu tiegħi hekk: “L-elettorat għandu l-komma tiegħu wkoll u fiha jżomm kollox għal meta jasal il-waqt. Fil-komma l-elettorat iżomm dak li jogħġbu u wisq aktar dak li jkun urtah jew weġġgħu. Min irid jifhem ħa jifhem. Min ma jridx jifhem allura postu mhux fil-Par- tit Laburista għax wara kollox il-Partit Laburista mhux xi wirt li ħallihulu nan- nuh.”

Erġajt ktibt il-Ħadd, 2 ta’ Ottubru 2022. L-artiklu kien jismu APPELL LILL-PL: IS­SERRAĦX FUQ L-APATIJA TAL-PN. Kont ikkummentajt dwar l-apatija li kien għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista u erġajt rreferejt għal dak li kien ġara fl-Elezzjoni Ġenera­li ta’ Marzu 2022. Temmejt l-artiklu tiegħi hekk: “F’tali sitwazzjoni, allura mhux bilfors tistaqsi x’wassal għal ċif­ri bħal dawk? Għaliex dan in-nuqqas ta’ apprezzament? Min, u kif qed jikkawża dan? Mhux bilfors tappella lill-PL biex joqgħod attent min-nassa li toffri l-apatija fi ħdan il-PN.”

Xahar wara, fis-6 ta’ Novembru 2022, ikkummentajt fuq riżultat ta’ survey ta’ din il-gazzetta. Minnu kien irriżulta li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali dakinhar il-Partit Laburista kien inaq­qas 0.3% tal-voti li kien kiseb f’Marzu ta’ qabel. U allura l-artiklu tiegħi kont intitolajtu GĦALIEX GĦANDU JERĠA’ JNAQQAS IL-VOTI L-PL? Primarjament kont ilmentajt minn nuqqas ta’ kuntatt mat-tesserati, jew dawk li kienu tesserati u ma ħallsux it-tessera, tal-Partit.

Kont ikkonkludejt hekk: “Ninsab konvintissimu li t-tħassib li qed nesprimi mhux xi ħaġa tiegħi biss. Il-Partit Laburista għal dak li għamel mill-Gvern ma jixraqlux inaqqas mill-fiduċja tal-elettorat. X’qed jiġri? Nib­qa’ ninsisti fuq dak li ili ninsisti minn din il-paġna: ma nikkunslawx għax il-Partit Nazz­jonalista naqqas u mistenni jkompli jnaqqas aktar mill-Par­tit Laburista. Għalija dak mhux raġunar tajjeb.”

Pożizzjoni li għadni biha sal-lum.

L-aħħar darba li lmentajt dwar tali sitwazzjoni kien il-Ħadd, 2 ta’ April, 2023, wara li l-Ħadd ta’ qabel kont smajt diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fl-okkażjoni ta’ għeluq l-ewwel sena mir-rebħa Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2022. L-artiklu kellu t-titlu: GĦALIEX GĦANDU JKUN IL-PM LI JMUR IĦABBAT IL-BIBIEN?

Kont ktibt hekk: “Diskors li fih (il-Prim Ministru) elenka mhux biss ‘il ħafna tajjeb li sar tul din is-sena li għad­diet imma għamel ukoll referenza għal dak li bħalissa qed jinkwieta lil ħafna Laburisti ġenwini, ċerta apatija, ċerta attitudni ta’ stqarrijiet li qed jiżdied in-numru ta’ ċittadini jiddikjaraw li mhux lesti joħorġu jivvotaw. Fl-opin­joni tiegħi l-maġġoranza ta’ dawn huma ċittadini li fl-aħħar elezzjoni vvotaw lill-Par­tit Laburista.

“Il-Prim Ministru għamilha ċara li se jkun qed jiġri wara kull wieħed u waħda minn dawn. Hekk sewwa, imma għaliex għandu jkun il-Prim Ministru li jmur iħabbat il-bibien ta’ dawn it-talin? Għaliex ma narawx x’qed iwas­sal għal dan wara daqs­tant ġid li sar? Min qed jurta lil ċittadini bħal dawn? Biex qegħdin ikunu urtati? Bħala partit x’qed isir abbażi ta’ dan it-tħassib?”

Kont temmejt kitbieti hekk: “Ikiddni l-fatt li tisma’ lil min jagħti l-impressjoni li donnu li mn’Alla kien hu għax kieku ma wasalnix fejn wasalna. Hu tajjeb li kull min għandu xi forma ta’ kariga kemm fuq livell ta’ partit kif ukoll ta’ ministeri jmur quddiem il-mera u jara jekk kibritlux rasu minn dakinhar li ġie fdat b’xi ħaġa u llum. Jekk irridu fadal żmien biex l-affarijiet jitranġaw u m’għan­dux għalfejn il-Prim Ministru jmur iħabbat il-bibien hu.”

Sfortunatament, karba li bħal krib simili ta’ Laburisti ġenwini oħrajn, ma swiet għal xejn. Almenu r-riżultat tal-aħħar żewġ surveys hekk juri.

Għamlulna pjaċir lilna l-Laburisti ġenwini, tkomplux tagħtu daqqiet, tkomplux issawtu lil dan il-partit glorjuż. Tkomplux issawtu aktar Laburisti. Tuhom li ħaqq­hom u fejn ma ħaqq­homx spjegawlhom għala u mhux toqgħodu twegħdu­hom fil-vojt. Min iddejjaq jaf x’għandu jagħmel. Tkomplux iddaħħlu lifgħat f’ħobbkom. Tipperikolawx aktar li jasal iż-żmien li l-Laburist ġenwin jerġa’ jingħadda minn martirju u persekuzzjoni.

Il-mazz f’idejkom.

U finalment, nota tal-aħ­ħar: Jekk jogħġobkom tiġunix bi programmi radjufoniċi u televiżivi fuq ONE bħal tal-Ħadd li għadda fejn tul dis­kussjoni interessanti dwar is-surveys inkwistjoni l-pre­żen­tatur ittanta jiżvijja s-suġ­ġett u jgħaddi fuq il-kwistjoni dwar lil min in-Nazzjo­nalisti jridu bħala Kap tagħ­hom.

Aħna l-Laburisti x’jimpurtana minn dan? Aħna jinteressana li l-Partit Laburista, il-Gvern Laburista, ikompli jmexxi lil pajjiżna.
[email protected]

Ekonomija

Sport