Saturday, May 4, 2024

Delia jgħid li filmat ta’ immigranti jkantaw l-innu tal-labour seta’ serva ta’ stedina għal aktar influss

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta intervistat mill-ġurnalist tal-Unionprint Matthew Charles Zammit, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia beda biex jgħid li n-numri l-aktar li qed iħassbuh huma ta’ dawk li tilfu l-impjieg tagħhom.

Delia qal li ċ-ċifri juru li hemm 7,000 familja li l-gvern qed jgħidilhom li “intom m’intkom ħadd u jien insejtkom”. Huwa qal li bħala oppożizzjoni l-PN jixtieq jgħin lil dawn in-nies.

Rigward l-aħħar sondaġġi ppubblikati fil-gazzetta IT-TORĊA li qed ibassru telfa massiċċa għall-PN, Adrian Delia qal li ħosbien dejjem tkun iżda inkwetat le. Qal li dawn in-numri jagħtuh kuraġġ u rieda biex jaħdmu aktar, jinżlu għand in-nies u jisimgħu biex ikunu jistgħu jikkoreġu l-iżbalji tal-passat. Delia qal li b’dan il-mod il-partit ikun jista’ jibni fuq il-ħafna tajjeb li għamel matul il-25 sena tiegħu fil-gvern.

Rigward intervisti riċenti li fihom ta x’jifhem jew b’xi mod ippreveda li hemm prossibbilità kbira li jkollna elezzjoni bikrija, Adrian Delia qal li din hu semmiha darba biss. Huwa qal li l-akbar esiġenza hija l-ġid tal-pajjiż u kif se noħorġu minn dan il-perjodu diffiċli.

Delia kompla jenfasizza dwar familji li jgħixu xahar b’xahar u li dawn jinsabu għaddejjin minn tbatija fis-skiet għax minkejja li fl-aħħar ġimgħat kienu qed jingħataw għajnuna finanzjarja issa din se tkun qiegħda tispiċċa.

Rigward l-prestazzjoni tal-gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa Delia kellu kliem ta’ tifħir għas-Supretendent tas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru, iżda qal li l-Prim Ministru deher distakkat mit-tnejn ta’ qabel. 

Delia qal li l-PN għamel “pataflun ta’ proposti” u mhux qal biss fejn il-gvern żbalja. Qal li ħafna minn dan li ntqal sab is-sapport tal-korpi kostitwiti u l-gvern implimenta parti minnhom. Qal li minkejja li dan huwa inkoraġġanti, dan il-gvern fil-parti ekonomika u soċjali kien “insensittiv”.

Rigward is-sejħa għal total lockdown, Delia qal li hu qatt ma sejjaħ għal total lockdown iżda wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa bħala PN talbu għal-għeluq tal-ajruport b’mod immedjat.

Matthew Charles Zammit staqsa lil Delia dwar l-immigranti li tħallew bejn sema u ilma għal kważi 40 ġurnata u x’jemmen li għandu jsir. Delia appella biex dan is-suġġett ma jkunx ballun politiku iżda l-ħajja ta’ persuni. Qal li fl-istess waqt hemm fin-nofs is-sigurtà ta’ pajjiżna. Delia qal li l-ewwel interess tiegħu hu n-nazzjon Malti, iżda ma nistgħux nipperikolaw il-ħajja tan-nies. Qal li sakemm l-ewropa mhix se tgħin fl-istabilizzazzjoni tal-Afrika l-flow mhux se jieqaf. Kompla biex jgħid li fil-mument l-gvern ikompli jirrilaxxa l-miżuri, mhux se jibqa’ fi stat li jgħid li pajjiżna m’għadux post sigur. Delia tkellem dwar filmat ta’ immigranti jkantaw l-innu tal-labour li seta’ serva ta’ stedina għall-kontinent kollu biex jiġi lejn pajjiżna. Delia qal li waħda mill-problemi tal-gvern hi li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna mhix tgħinu biex jitkellem quddiem l-ewropa.

Dwar id-deċiżjoni tal-Qorti ċaħdet it-talba għall-inkjesta fil-konfront tal-brigadier, is-suldati u l-Prim Ministru, Delia qal li hija ħasra li jekk il-Qorti kellha l-abbilità li tiddeċiedi f’qasir żmien, għaliex ma jiddeċidux dwar inkjesti oħra li ilhom għal perjodu ta’ żmien.

Il-ġurnalist Matthew Charles Zammit waqt l-intervista tiegħu mal-Kap tal-PN Adrian Delia

Sport