Saturday, December 21, 2024

DEMOKRAZIJA ĦAJJA

Aqra wkoll

Smajniha tintqal li kellna kampanja elettorali monotona u ċassa, nieqsa mill-eċitament li wieħed jistenna meta jridu jsiru għażliet politiċi kbar. Kienet kwieta veru, imma x’hemm ħażin f’dan? It-tqanqil ta’ elezzjonijiet li niftakar jien… meta l-vjolenza malajr setgħet tixgħel u ta’ xejn b’xejn… ma jidhirlix li kien ta’ xi ġid la għall-partiti politiċi, la għall-poplu u wisq anqas għat-tkattir tad-demokrazija fostna. 

Li personalment dejjaqni did-darba, kien il-fatt li minħabba l-istħarriġ tal-opinjoni li baqa’ jsir bla waqfien, intilef ħafna mill-interess fl-argumenti li tressqu mill-kampijiet differenti. Għax jekk kollox “lest”, skont ir-riżultati tal-istħarriġ, l-argumenti li jitqajmu ma kienu se jibdlu l-konvinzjoni ta’ ħadd!

Xorta nibqa’ naħseb li aħjar hekk. Din bħal li jgħidu dwar kemm hu mbierek dak il-pajjiż li ma għandux bżonn ta’ eroj. Hi mbierka wkoll dik id-demokrazija li titwettaq bla kampanji elettorali li jinħadmu fil-frattarija.

***

JUM IL-ĦELSIEN U L-BARRANIN

Dan li se ngħid ma rridux jiftiehem bħala xi ċaqliqa kontra l-espressjoni tal-kelma, kontra min jiġi joqgħod magħna u “jikkritikana”, kontra li b’xi mod xi ħadd għandu ma jitħalliex jgħid/jikteb li jrid, jew li jiġi bojkottjat u ma jingħatax widen.

Imma anke jien għandi d-dritt ngħid tiegħi. 

  Idejquni ċerti kitbiet ta’ barranin, Brittaniċi l-aktar, li (fil-fehma tiegħi) bl-akbar arroganza u fil-fatt bla ma jafu sew kif tiffunzjona s-soċjetà Maltija, jaraw kif ipinġu minn lenti kompletament falza l-kisbiet tal-politika Maltija. L-agħar hu li ċerti Maltin donnhom jogħxew b’kitbiet bħal dawn.

Pereżempju, hemm ċertu eks-ġurnalista Ingliż li għoġbu jperreċ il-fehmiet tiegħu dwar kif wasalna sa Jum il-Ħelsien. Għandu kull dritt għall-fehmiet tiegħu. Imma li huma mgħawġa għall-aħħar, naf mill-esperjenza.

***

ASTENSJONIJIET

  Jekk għamilt is-somom tiegħi tajjeb, fl-elezzjoni ta’ dax-xahar, 51,500 ma ġabrux il-vot tagħhom minn totall ta’ votanti rreġistrati ta’ 355,075. Imbagħad kien hemm totall ta’ 8227 li ħassru l-vot. Għamlux hekk bi żball jew bi protesta ma tistax tgħid, imma żgur li numru kbir minnhom kienu jafu x’qed jagħmlu. B’kollox, dawn il-votanti kien jammontaw għal 16.8 fil-mija tal-elettorat kollu. Kienet żieda sostanzjali fuq il-persentaġġi tal-elezzjoni tal-2017.

Ħaġa ċara li dawn il-persentaġġi mqabbla mar-riżultati ta’ elezzjonijiet li jsiru fl-Ewropa huma ċkejkna. Imma għal Malta narahom bħala sinjifikanti.

Hu minnu li l-astensjoniżmu jidher li aktar laqat lill-PN milli lill-PL. Imma meta dan isir mod kif tesprimi fehma politika, iċ-ċansijiet huma li se jieħu l-għerq u se jinfirex.

Ħaġa tajba, ħaġa ħażina? X’nistgħu nikkonkludu? Personalment nippreferi li votant jagħmel għażla ċara milli “jastjeni”.

Ekonomija

Sport