Sunday, December 22, 2024

DEWMIEN FIL-QRATI

Aqra wkoll

Iż-żmien twil li jieħdu każi jaħarqu u mhux daqstant jaħarqu biex jitilgħu quddiem il-qrati kriminali u oħrajn ta’ dawn il-gżejjer bir-raġun wassal biex ċittadini u istituzzjonijiet tal-pajjiż jilmentaw. Għal deċennji sħaħ, mexxejja politiċi u mħallfin għolja wegħduna li se tittieħed azzjoni effettiva biex il-biċċa tissewwa. Il-wegħdi tagħhom inżammu fuq l-ixkaffa. Hi ħaġa tal-mistħija li daqstant każi baqgħu minsija fit-trab, biex b’hekk kibret il-fehma ta’ impunità meta jsiru allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni jew abbuż ta’ poter.

Jien wieħed minn dawk li kkritikaw dan l-istat ta’ fatt u se nibqa’ nagħmel hekk. Imma nirrabja meta minn Brussel burokratiċi u politiċi jaqbdu miegħu biex iwaddbu dellijiet koroh fuq id-demokrazija Maltija. Definittivament, jeħtiġilna ntejbu l-mod kif naġixxu fil-ħajja publika, imma meta tħares mill-qrib lejn dawk li jiġu jippriekawlna dwar hekk issib li anke huma qed jgħixu f’serra tal-ħġieġ. 

IL-GVERN TALJAN

Draghi għandu/kellu raġun jiskatta kriżi politika wara li ddobba vot b’maġġoranza favur il-gvern tiegħu? Kif inhuma sejrin l-affarijiet fl-Ewropa bħalissa, forsi iva. Quddiem l-emerġenzi li x’aktarx jinqalgħu, jekk ma jkunx hemm għaqda governattiva fuq l-aktar front wiesa’ possibbli l-Italja mhix se żżomm il-kredibilità li kisbet fl-aħħar sena. Imma bi kriżi governattiva ma nafx kif din il-kredibilità tista’ tkun sostnuta.

Min-naħa tagħhom, il-politiċi tal-Ħamest Ikwiekeb sabu ruħhom maqbuda fl-aqwa dilemma krudili. B’sostenn u sehem fil-gvern ta’ Draghi, jibqgħu jitilfu mill-appoġġ u mill-voti fil-futur qarib. B’elezzjoni ta’ malajr, x’aktarx jitilfu minnufih ħafna siġġijiet fil-Parlament Taljan. 

STANDARDS EDUKATTIVI

Il-bozza ħamra ilha tixgħel fuq is-sistema edukativa ta’ pajjiżna. Minkejja n-nefqa fl-edukazzjoni li proporzjonalment għall-popolazzjoni tagħna hi fost l-aqwa fl-Ewropa, ir-riżultati edukattivi miksuba mhumiex inkoraġġanti dwar minoranza sostanzjali ta’ tfal studenti.

Neħtieġu programm tat-tul maħsub biex idaħħal tagħlim dedikat li bih kull student ikollu aċċess qawwi u sħiħ għas-suġġetti bażiċi u tassew jitgħallimhom. Programm hekk ma jkunx popolari għax irid ikun ibbażat fuq miżuri ta’ pass wara pass, li ftit se jifhmu, u li jibdlu l-orjentament ta’ kif tiġi finanzjata l-edukazzjoni b’mod li jqanqal ir-reżistenza ta’ interessi vestiti. Dawn ma jibqgħu lura mill-ebda maniġġ politiku, soċjali u kulturali, biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom.  

Il-kultura dominanti fost sezzjoni tal-poplu li l-edukazzjoni hi żmien imnaqqas mis-snin ta’ impjieg li jqalla’ l-flus iżżid ir-reżistenza għar-riformi. Min-naħa tal-għalliema, diskors ikkonċentrat fuq il-kondizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom jikkomplika kull aġenda ta’ riforma. Min dan l-aħħar ikkritika s-sistema edukattiva bħala waħda inġusta għandu raġun għalkemm stagħġibt kif ħalla daqstant tard biex ifisser dil-ħaġa.

Ekonomija

Sport