Friday, November 15, 2024

DEWMIEN FIL-QRATI

Aqra wkoll

Id-dewmien fil-proċessi li bihom tingħata l-ġustizzja għadu hemm u għadu qed jimmina l-fiduċja tal-poplu fil-qrati. L-idea li biex tieħu dak li ħaqqek trid tgħaddi minn passjoni twila li fi tmiemha tkun irbaħt biss it-togħma tal-irmied hi realtà għal ħafna nies.

Dawn (bir-raġun) ma jimportahomx minn xinhuma r-raġunijiet, veri jew le, li jispjegaw xinhu jiġri. Jimportahom milli jsibu fil-qrati mod xieraq kif jirriżolvu l-problemi li qed itaqqlulhom ħajjithom. 

  Qed jikkonkludu (kulħadd bil-manjiera tiegħu ta’ kif jispjega dil-ħaġa) li apparti mid-diffikultajiet amministrattivi li dejjem jisimgħu dwarhom fit-tmexxija tal-qrati, problema ewlenija hi li interessi vestiti involuti fil-qasam m’għandhom l-ebda interess li jibdlu l-imġiba jew is-sistemi li bihom jitwettqu l-affarijiet. Dan jirrekjedi xogħol u reqqa akbar u allura jippreferu li kollox jibqa’ kif sabuh u kif ħallewh ta’ qabilhom.

EŻILJATI

Kull pajjiż għandu l-eżiljati tiegħu. Jekk l-istorja warrbithom, jitqiesu bħala tradituri u l-eżilju kien kastig xieraq. Jekk le, jinżammu bħala eroj, jew talanqas martri.

F’pajjiżna fost l-eżiljati li baqgħu jingħataw ġieħ kellna lil Manwel Dimech li miet bogħod minn pajjiżu, u fost l-itturufnati għal parti minn ħajjithom Mikiel Anton Vassalli u l-Maltin li ntbagħtu fl-Afrika tal-Lvant matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Barra mill-eżiljati li jitkeċċew minn pajjiżhom hemm l-oħrajn li jkollhom jaħarbu minnu biex isalvaw ħajjithom. Jidher li mad-dinja kollha, in-numru ta’ eżiljati reġa’ qed jiżdied. Hawn qed insemmu biss l-eżiljati għal raġunijiet “politiċi”. In-numru ta’ nies li jeżiljaw rwieħhom għal raġunijiet ekonomiċi hu wisq akbar.

L-AĦĦAR ĠIRJA 

  Qabel jidħlu l-ġimgħat ta’ “vaganzi” tas-sajf l-istituzzjonijiet Ewropej (Kummissjoni, Kunsill u anke l-Parlament) stinkaw biex ilaħħqu jtemmu kemm jistgħu mill-aġenda ta’ ħidma li kellhom quddiemhom. Dan għax fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, ir-ritmu fl-amministrazzjoni Ewropea jieqaf kważi għal kollox sakemm jgħaddu l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u tinħatar ftit wara Kummissjoni Ewropea ġdida. 

Ħadd ma jrid li meta jasal dak l-istadju ta’ waqfa għall-bidla, jkun baqa’ wisq materji mhux deċiżi. Sintendi, x’se jitqies bħala “wisq” hi kwistjoni soġġettiva. Madankollu hu inevcitabbli li numru ta’ materji se jibqgħu miftuħa meta tagħlaq dil-leġislatura. Sakemm jerġa’ jitlaq ix-xogħol politiku, leġislattiv u eżekuttiv, jgħaddi żmien biżżejjed biex ċerti deċiżjonijiet pendenti jispiċċaw sorpassati.

F’din il-leġislatura seħħew wisq ġrajjiet mhux mistennija li ħarbtu r-ritmu tax-xogħol. Il-Brexit damet aktar milli maħsub biex titlesta. Il-pandemija ħolqot emerġenzi bla preċedent u biddlet il-prioritajiet. Għamlet l-istess l-invażjoni tal-Ukrajna. U l-inflazzjoni li minn rieqda saret mewġa għolja, bidlet il-kalkoli finanzjarji li fuqhom kienu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Ekonomija

Sport