Wednesday, November 18, 2026
Home Sport Dħalna għal biċċa xogħol diffiċli, iżda se nagħmlu minn kollox biex indawru...

Dħalna għal biċċa xogħol diffiċli, iżda se nagħmlu minn kollox biex indawru l-paġna – Edgar Degabriele (coach ġdid Victoria Hotspurs)

0
40

Minn Cristian Muscat

Il-coach il-ġdid ta’ Victoria Hotspurs, Edgar Degabriele, jinsab determinat li jerġa’ jagħti l-kunfidenza lill-plejers u jibdel ix-xorti tat-tim Għawdxi wara bidu diffiċli fil-BOV Challenge League.

F’intervista ma’ dan is-sit, Degabriele tkellem dwar il-ħatra tiegħu, l-isfidi li sab quddiemu, il-ħidma mal-assistent John Paul Gialanze u l-ambizzjoni li t-tim jispiċċa fost l-ewwel tmienja tal-klassifika.

Degabriele nħatar coach ta’ Victoria Hotspurs wara t-tluq ta’ Oliver Spiteri, li temm l-esperjenza tiegħu mal-klabb bi ftehim reċiproku. Spiteri kien mexxa lill-Hotspurs għal żewġ promozzjonijiet konsekuttivi, iżda dan l-istaġun it-tim sab diffikultajiet kbar, fosthom ħames telfiet konsekuttivi.

Il-coach il-ġdid ammetta li l-opportunità waslet għalih b’mod mhux mistenni, speċjalment wara li kien ilu madwar xahrejn mingħajr ma jmexxi tim.

“Inħsadt meta qaluli. Kont ili wieqaf xahrejn u wara dak li ġara ma’ Birżebbuġa kelli żewġ opportunitajiet. Din ta’ Victoria Hotspurs kienet opportunità sabiħa ħafna li ma kontx qed nistenna. Qed inħares ’il quddiem biex indawru l-paġna u npoġġu lil dan it-tim fejn jixraqlu,” qal Degabriele.

Huwa spjega li l-ewwel kuntatt sar permezz ta’ Mark Buttigieg, li infurmah bix-xewqa tal-president tal-klabb li jiltaqa’ miegħu.

Degabriele ma damx jaħsibha biex jaċċetta l-istedina, għaliex jemmen li Victoria Hotspurs huma klabb bi storja importanti fil-futbol Għawdxi.

Waħda mill-akbar sfidi li sab quddiemu kienet dik psikoloġika. Wara ħames telfiet konsekuttivi, il-kunfidenza tal-plejers kienet batiet u għalhekk l-ewwel ħidma tiegħu kienet immirata biex jerġa’ jibni l-moral tal-iskwadra.

“Meta tkun ġej minn ħames telfiet konsekuttivi, il-moral ikun mal-art. L-ewwel ħaġa li ridna nagħmlu kienet li nerġgħu ntellgħu l-moral tal-plejers. Irridu noħorġu minn din is-sitwazzjoni u flimkien indawru r-rota ,” sostna l-coach.

Degabriele qal li mill-ewwel beda jaħdem mill-qrib mal-assistent tiegħu John Paul Gialanze, li huwa ddeskrivieh bħala persuna kapaċi li jimmotiva lill-plejers.

Fil-fatt, kien hu stess li ssuġġerixxa lil Gialanze biex jingħaqad miegħu f’din l-avventura.

It-tnejn diġà ħadmu flimkien fil-passat u Degabriele jemmen li l-fatt li jaqsmu l-istess filosofija tal-futbol jista’ jkun importanti biex Victoria Hotspurs jerġgħu jsibu l-istabbiltà.

“Naħseb li ħdimna ħafna flimkien u għamilna affarijiet tajbin kull fejn konna. Issa għandna sfida ġdida u rridu naħdmu biex niksbu r-riżultati,” kompla jgħid.

Minkejja l-pożizzjoni diffiċli li t-tim sab ruħu fiha, Degabriele għamilha ċara li l-ambizzjoni tiegħu hija li Victoria Hotspurs jispiċċaw fost l-ewwel tmien timijiet tal-BOV Challenge League.

Huwa jemmen li l-kampjonat ta’ din is-sena huwa wieħed bilanċjat, fejn diversi timijiet għandhom il-kapaċità li jieħdu punti mingħand xulxin.

“Irridu mmorru mat-top eight. Il-BOV Challenge League insegwih ħafna u din is-sena hemm bilanċ bejn diversi timijiet. Għalhekk irridu nibdew niksbu l-punti kemm jista’ jkun malajr,” spjega Degabriele.

Il-coach qal li dejjem segwa mill-qrib il-futbol Malti, partikolarment il-BOV Challenge League u n-National Leagues, anke meta ma kienx qed imexxi tim.

“Jien il-futbol Malti nsegwih kollu. Ma jaħrabli kważi xejn, għaliex dawn huma l-kampjonati li nħobb l-aktar,” sostna.

Degabriele, li fl-istaġun li għadda mexxa lil Birżebbuġa St Peter’s għall-ewwel promozzjoni storika tagħhom fil-Premier League u għar-rebħ taċ-Challenge Cup, tkellem ukoll dwar l-importanza finanzjarja li klabb jilħaq l-ogħla diviżjoni.

Skontu, il-fondi li klabb jista’ jikseb fil-Premier League jagħtuh opportunità aħjar biex jippjana u jibni skwadra kompetittiva.

Aspett ieħor li Degabriele kellu jadatta għalih huwa l-ivvjaġġar regolari bejn Malta u Għawdex.

Il-coach ammetta li din mhijiex rutina faċli, speċjalment minħabba l-ħinijiet tax-xogħol u tas-sessjonijiet ta’ taħriġ.

“Issa bdiet rutina ġdida, Malta-Għawdex u Għawdex-Malta. Mhux faċli, iżda meta tħobb il-futbol tagħmel dawn is-sagrifiċċji. Jekk tħobb verament il-futbol, tmur kullimkien,” qal Degabriele.

Huwa faħħar ukoll l-attitudni tal-plejers Għawdxin, li jagħmlu sagrifiċċji biex jattendu għas-sessjonijiet ta’ taħriġ.

Degabriele spjega li t-tim jitħarreġ kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex matul il-ġimgħa, u għalhekk huwa essenzjali li jinżamm bilanċ tajjeb.

Il-coach qal li jinsab sodisfatt bl-impenn li qed jara waqt it-taħriġ.

“Il-plejers qed jagħtu kollox. Sa tmiem is-sessjoni tat-taħriġ joħorġu l-għaraq kollu tagħhom u din hija l-filosofija tiegħi u ta’ John Paul,” qal.

Degabriele jemmen li Victoria Hotspurs għandhom skwadra b’potenzjal konsiderevoli, iżda sostna li tim magħmul minn diversi plejers ġodda jeħtieġ iż-żmien biex jilħaq il-livell mixtieq.

Huwa rrikonoxxa wkoll il-ħidma li wettaq il-predeċessur tiegħu Oliver Spiteri.

“Dan it-tim għandu plejers ta’ livell tajjeb ħafna. Iżda meta jkollok tim ġdid, mhux faċli biex il-plejers jingħaqdu flimkien. Mhijiex kwistjoni ta’ ismijiet. Trid iż-żmien,” sostna.

Il-coach saħaq li r-riżultati ma jistgħux jinbidlu mil-lum għal għada u li l-ħidma trid tkun waħda kollettiva.

“Xammarna l-kmiem u tkellimna mal-plejers. Jekk naħdmu flimkien, ir-rota tista’ ddur. Iżda rridu niġbdu ħabel wieħed,” qal.

Degabriele faħħar ukoll lill-kumitat ta’ Victoria Hotspurs għas-sagrifiċċji li qed jagħmel biex il-klabb ikompli javvanza.

Huwa qal li diġà nnota rispett kbir bejn il-persuni involuti fil-klabb u li s-suċċess jiddependi mill-kontribut ta’ kulħadd, mhux biss tal-coachis u tal-plejers.

Fl-aħħar tal-intervista, Degabriele kellu kliem ta’ apprezzament għall-partitarji ta’ Victoria Hotspurs, li laqgħuh b’diversi messaġġi pożittivi fuq il-midja soċjali.

Huwa qal li kien impressjonat bil-mod kif il-partitarji komplew jappoġġjaw lit-tim anke waqt il-mumenti diffiċli, fosthom fit-telfa kontra Melita.

“Dawn mhumiex baħrin tal-bnazzi. Rajthom kontra Melita u baqgħu jissapportjaw lit-tim sal-aħħar, anke meta kien qed jitlef. Dan ifisser ħafna għall-plejers,” qal Degabriele.

Il-coach talab lill-partitarji biex ikomplu juru paċenzja u jemmnu fil-ħidma li qed issir.

“Il-partitarji huma t-tnax-il plejer fil-grawnd. Għandna bżonnhom, speċjalment f’dan il-mument. Dħalna għal biċċa xogħol diffiċli, iżda se nagħmlu minn kollox biex indawru l-paġna,” temm jgħid Edgar Degabriele.

Għal Victoria Hotspurs, issa tibda fażi ġdida li fiha l-għan ewlieni huwa li jerġgħu jinkisbu l-kunfidenza, l-istabbiltà u r-riżultati pożittivi, bil-ħsieb li l-klabb Għawdxi jitla’ fil-klassifika u jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here