Wednesday, December 25, 2024

DIBATTITI?

Aqra wkoll

Fi kwaunkwe demokrazija parlamentari, id-dibattiti huma pern ewlieni ta’ kif jitmexxew l-affarijiet. Naħa tippreżenta l-pożizzjoni tagħha bħala gvern li jispjega lil fejn irid imur u kif ipprova jwettaq il-miri li kien issettja. U n-naħa l-oħra tikkritika li sar u tippreżenta l-viżjoni alternattiva tagħha. Iqumu rappreżentanti taż-żewġ naħat li jippreżentaw aktar mill-argumenti tan-naħa tagħhom. In-naħa li tkun bdiet id-dibattitu tagħlqu bl-argumenti tal-aħħar.

Dibattiti hekk iwasslu informazzjoni ġdida lil min ikun qed jisma’, kif ukoll ġustifikazzjoni għal li qed isir u għall-kritika. Sta imbagħad għal min qed jisma’ biex jiġġudika.

Biż-żmien iżda, s-siwi ta’ dawn id-dibattiti naqas sew. Wieħed jiddubita kemm meta jsiru, qed ikunu produttivi. L-ewwel nett, għax id-dibattiti jitmexxew skont ritwal li matulu jiġu ripetuti l-islogans politiċi magħrufa bla ma jingħataw ir-rendikonti meħtieġa. U t-tieni, għax il-kumnikazzjoni ta’ żminijietna tistrieħ wisq fuq messaġġi li jieħdu l-forma ta’ sentenza waħda, jew tnejn l-aktar, li jissimplifikaw kollox bla ma jfissru xejn.

RIFORMA?

Il-President Franċiż Macron telaq b’determinazzjoni kbira biex iżid l-eta li fiha l-ħaddiema ta’ pajjiżu jirtiraw b’pensjoni minn 62 għal 64 sena. Pajjiżi oħra għamlu dal-pass snin ilu imma l-poplu Franċiż assolutament jirrifjutah. L-istrajks u d-dimostrazzjonijiet ilhom ġimgħat u xhur għaddejja.

Biex jgħaddi l-miżura mill-Parlament, fejn instab li hemm maġġoranza kontra, il-gvern ta’ Macron invoka klawsola fil-kostituzzjoni li ppermettietlu jgħaddiha bla vot. Biex dawk li joppunha jkissru dil-proċedura, riedu jgħaddu vot ta’ ċensura fil-gvern. Ma għaddiex b’9 voti.

Ir-riforma kollha tinsab fi sqaq. L-osservaturi politiċi qed jgħidu li fi sqaq ukoll jinsab il-President Macron, li wasal fejn wasal, l-ewwel billi fired u kisser lix-xellug Franciż, u wara lil-lemin. Issa, ħadd ma jrid jagħtih palata.

FESTIVALLI U FIERI

Żvilupp mill-aqwa fl-aħħar snin kien kif żdiedu l-festivalli u fieri popolari artistiċi ta’ kalibru. Ix-xena kulturali u artistika kontemporanja saret b’hekk vitali u interessanti. Il-politika tal-gvern li jippromwovi das-settur — u aktar importanti, ikun lest li jonfoq flejjes tajba fuqu — jistħoqqilha l-aqwa rikonoxximent.

Issa, iridu noqgħodu b’seba’ għajnejn minn żewġ possibilitajiet. L-ewwel li l-artisti u promoturi kulturali Maltin jispiċċaw jiddependu wisq mill-gvern biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Jekk ma jsibuhx, jibqgħu lura. Mentri l-akbar gost li tinġema f’attività artistika hu li jekk u meta tirnexxi, dan jiġri l-aktar għax is-suċċess tagħha jkun inbena direttament fuq il-kreattività tagħha.

U fit-tieni post, hemm il-periklu li l-arti tispiċċa tiddependi wisq fuq l-għajnuna tal-istat. Malli din għal xi raġuni jew oħra tinxef, jieqfu ħafna proġetti.

Ekonomija

Sport