Thursday, April 18, 2024

“Ħarsa jew kelma wkoll jistgħu jistimolaw relazzjoni sesswali”

Is-Sesswologu Matthew Bartolo

Aqra wkoll

Ħafna drabi bosta jkunu dawk li jfixklu d-differenza bejn is-sess u s-sesswalità. Meta qed nitkellmu fuq sess inkunu qed nitrattaw dwar jekk il-persuna tkunx raġel jew mara kif ukoll meta wieħed jagħmel l-att tas-sess mal-persuna l-oħra. Min-naħa l-oħra s-sesswalità tagħtina l-identita sesswali tagħna, kif inħarsu lejn ġisimna, kif ngħixu ħajjitna sesswalment, fil-ġeneru u anke l-orjentazzjoni sesswali u dak kollu relatat miegħu. Spjega dwar dan ma’ Talk.mt u ħafna iktar is-sesswologu Matthew Bartolo.

L-interess tiegħu f’dan is-suġġett beda ħafna snin ilu meta kien qed jagħmel kors fuq counselling fi skola f’Londra. Kien hemm xi għalliema minnhom li kienu terapisti speċjalizzati fuq is-sess. Huma tawh parir sabiex jagħmel kors li bih seta’ jispeċjalizza dwar ir-relazzjonijiet u s-sesswalità. Dawn l-istess terapisti ħassew li kellu attitudni miftuħa għal dan is-suġġett. Kien applika mal-klinika ta’ Sheffield li hija waħda mill-aqwa kliniċi sesswali li teżisti fl-Ewropa.

Is-Sesswologu Matthew Bartolo

Tkellimna ma’ Bartolo dwar diversi suġġetti li jaffettwaw ir-relazzjonijiet fosthom il-pornografija, il-masturbazzjoni, każi fejn persuna miżżewġa tirrikorri għal sess ma’ persuna oħra u l-importanza li koppja f’relazzjoni jżommu sesswalment attivi.
Persuna li tara l-pornografija hemm ċans kbir li tistenna sess differenti
Rigward il-pornografija, Bartolo spjega ma’ dan is-sit li r-riċerka li titkellem b’mod elaborat dwar dan is-suġġett. Huwa qal li għalkemm fil-verità m’hemm xejn konklussiv, jista’ jikkonferma li din taffettwa mhux ftit is-sesswalità tal-individwu fuq kif iħares lejn ġismu u anke l-att sesswali mal-persuna qrib tiegħu.

Infatti llum huwa ppruvat li min jara l-pornografija se jkollu aspettativa partikolari li se taffettwa s-sesswalità tiegħu jew tagħha. Hemm ċans kbir li l-persuna tistenna sess differenti għax hekk imdorrija tara. M’hemm l-ebda edukazzjoni sesswali li tidħol tant fid-dettall u għalhekk dak l-individwu li jara materjal pornografiku mhux qed jara l-veru sess. Is-Sesswologu żied jgħid li l-persuna li tara l-pornografija tkun qiegħda taqdi l-fantasija tiegħha imma dawn huma atturi u l-att tagħhom ikun wieħed maħdum permezz ta’ skript.

Il-problema hija meta l-persuna tispiċċa vvizzjata

Skont Bartolo hemm żmien fejn il-persuna tesplora lilha nnifisha u din hi xi ħaġa normali. Huwa kompla biex jgħid li anke t-trabi jagħmluha u ħafna drabi jmissu ħafna l-ġenitali tagħhom. Meta l-bniedem jibda jikber u jasal fil-fażi tal-adoloxxenza jkun hemm ċerti bżonnijiet u anke l-ormoni jibdew jinbidlu. Ma jfissirx li wieħed għandu jaqa’ għall-aptit il-ħin kollu u bla rażan. Huwa ddikjara dan ma’ dan is-sit meta mistoqsi rigward il-masturbazzjoni. Filwaqt li għamilha ċara li huwa normali li wieħed jesperimenta miegħu nnifsu, żied jgħid ukoll li huwa minnu li l-masturbazjoni tista’ ssir vizzju, speċjalment jekk tibda taffettwa l-ħajja soċjali, ir-relazzjonijiet tal-individwu u anke l-aspett mentali tiegħu. Madanakollu huwa kkonferma li ma ssir l-ebda ħsara meta persuna timmasturba.

Mistoqsi dwar l-omosesswalità, is-Sesswologu qal li għalkemm il-maġġoranza tal-popolazzjoni hija eterosesswali, m’hemm l-ebda diżordni meta persuna tkun omosesswali. Huwa qal li l-mod ta’ kif dawn il-persuni kienu stmati fis-soċjetà fis-snin sebgħin kienet mentalità ħażina u anke ċertu kisbiet li għamel pajjiżna fejn jidħlu dawn il-persuni juri kemm evolvejna bħala soċjetà.

Ħarsa wkoll tista’ tistimola r-relazzjoni

Mistoqsi rigward il-bżonn li persuni f’relazzjoni jkunu attivi sesswalment, is-Sesswologu żied jgħid li hu jemmen li s-sesswalità hija importanti għall-maġġoranza tal-individwi. Qalilna li mhux kulħadd jagħtiha l-istess importanza u hawn min ftit li xejn jinkludi attività sesswali fil-ħajja tiegħu. “Fid-dinja ssib minn kollox. Madankollu meta ngħidu sess ma jfissirx biss dak penetrattiv, iżda anke ħars, kliem, u kuntatt li jistimola lil dak li jkun. Dik ix-xewqa għal xulxin hi waħda mill-affarijiet li żżomm relazzjoni ħajja. Jien narah bħala kruċjali li koppja tkun sesswalment attiva f’ħajja miżżewġa għax tibqa’ dik l-armonija bejniethom. Waqt il-kuntatt sesswali, il-ġisem jarmi ormoni li jqarrbu lill-koppja lejn xulxin”, kompla jelabora Bartolo filwaqt li qal ukoll li fil-verita’ m’hemmx żminijiet partikolari jew frekwenza kemm għandek tagħmel sess. Huwa tenna li tista’ tkun darba f’ġimgħa jew darba f’sena u li dan kollu jiddependi mill-individwi li qegħdin fir-relazzjoni.

Diversi raġunijiet għalfejn persuna miżżewġa tfittex persuna terza għas-sess
Staqsejnieh anke dwar persuni li jħossu l-bżonn li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ persuna oħra, anke ma’ prostituti f’ċertu sitwazzjonijiet. Huwa kkonferma li hemm raġunijiet varji għalfejn tali persuna anke tasal tħallas persuna oħra biex tieħu sodisfazzjon sesswali.

Xi raġunijiet oħra jistgħu jkunu avventuri sesswali li d-dar mhux, jew ma jistgħux, jintlaħqu. Żied jgħid ukoll li hemm min iħoss li jekk għandu fantasiji sesswali hemm bżonn jissodisfahom. Hemm min jista’ jgħix mingħajr ma jissodisfa x-xewqat tiegħu jew tagħha u jkun hemm min iħoss li ma jiflaħx jikkontrolla. Hemm ukoll nuqqas ta’ kontroll mill-individwu jew inkella li mhux lest jistenna sat-tali lejl jew sax-xahar id-dieħel. Fattur ieħor jista’ jkun bħala att ta’ tpattija lejn il-persuna l-oħra fir-relazzjoni bħala metodu ta’ tpattija għal xi ħaġa li tkun kkawżat ħsara fl-istess relazzjoni bejn it-tnejn.

“Semmejt il-kontroll. Bniedem jista’ juża l-flus biex jagħżel liema mara jixtieq basta jissodisfa x-xewqat tiegħu. Hemm min iħallas għas-sess mhux għal fini ta’ sess biss iżda għal eċitament li jħallas persuna biex ikun jista’ jagħmel “li jrid” magħha. Hawn il-pjaċir ma jiġix biss mis-sesss iżda mill-poter li jħoss mill-fatt li qed iħallasha. Huwa għalhekk li minkejja r-relazzjoni stabbli fiż-żwieġ xorta se ssib persuni li jirrikorru għas-servizzi sesswali għax iridu xi ħaġa iktar mir-relazjoni, minnhom infushom jew min-nisa”, kompla Bartolo.

Rabta jew rispett lejn il-persuna l-oħra f’relazzjoni?

Staqsejna lis-sesswologu x’inhu u x’mhux aċċettabbli biex persuna tgħid li hija fidila lejn il-persuna l-oħra u fuq kollox kemm hi diffiċli biex din il-fedeltà tinżamm. Huwa qal li meta int tintrabat ma’ persuna hemm numru ta’ affarijiet li dak li jkun jista’ u ma jistax jagħmel. Skont l-esperjenza ta’ sitwazzjonijiet li ltaqa’ magħhom huwa qal li għandek koppji li jaqblu li ma jistgħux ikollhom x’jaqsmu ma’ persuna oħra, ma jistgħux joħrġu ma’ sħabhom regolarment, ma jistax ikun hemm ċertu kunfidenzi żejda li jwasslu anke sa flirting u jrid ikun hemm ċertu kontroll. Skontu dan ma jfissirx li kull relazzjoni għandha l-istess regoli u l-istess tip ta’ “kontrol”. Peró, hu jaraha importanti li jkun hemm ċertu trażżin. “Kultant bħal donnu rridu kollox u m’aħna lesti nċedu xejn. Nibżgħu naqsmu ma xulxin l-ħsieb li forsi niddejqu li jkun hemm ċertu tip ta’ ħruġ, jew tant ta’ spiss. Niddejqu nidhru bħal donnu dojoq u rridu nipproteġu r-relazzjoni tagħna. Meta persuna qed tinvesti f’xi ħaġa, speċjalment relazzjoni, se jkun hemm affarijiet li ser tnaqqas minnhom u jew ser taqta’ u dan għandha tagħmlu bi pjaċir għax qed tinvesti f’xi ħaġa aħjar. Hu normali li l-ħajja tagħna tinbidel meta nidħlu f’relazzjoni”, qal Bartolo. Madanakollu huwa kjarifika li dan ma jfissirx li dak li jkun għandu jaqta’ l-ħbieb, iżda anke minħabba kif dak li jkun ikollu jqassam il-ħin, ċertu affarijiet jeħtieġ li jingħataw prijorotà.

Nuqqas ta’ tqanqil jista’ jikkawża problemi wara ż-żwieġ

Staqsejna rigward jekk persuna għandhiex tistenna saż-żwieġ għas-sess fejn Bartolo qal li għadek issib dawk li lesti jistennew snin għall-kuntatt fiżiku. “Xi ħadd li kien jaħdem ħafna fil-Moviment ta’ Kana, għallimni li meta int tkun qiegħed f’relazzjoni u tistenna, xorta importanti li jkun hemm ġibda. Meta tagħżel li tistenna, il-ġisem xorta ser jitqanqal u xorta jkun irid. Għalhekk importanti li dak li jkun iżomm f’moħħu li jekk il-persuna l-oħra qed tagħfas ħalli tistennew saż-żwieġ u mhux turi tqanqil u interess, jaf ikun hemm problemi oħra”, saħaq Bartolo.

Bartolo temm jgħidilna li s-sess huwa spazju speċjali bejn nies li jridu jaqsmu mument flimkien. Skontu s-sess huwa kkunsidrat bħala don għax għandek persuna li qed tingħata għal ħaddieħor.

“Importanti għalhekk li wieħed jindokra s-sesswalità tiegħu biex ikollu ħajja b’saħħitha ‘l bogħod minn kull mard possibbli. U iktar importanti ‘l bogħod minn emozzjonijiet negattivi bħalma huma l-ħtija, l-użu, jew il-ħmieġ”.

Ekonomija

Sport