Sunday, December 22, 2024

DIBATTITI IDEOLOĠIĊI

Aqra wkoll

Fl-imgħoddi, ħafna mid-diskors politiku kien ikun dwar “ideoloġija”. Soċjaliżmu “reali” kontra demokrazija kristjana. Soċjaliżmu demokratiku kontra liberaliżmu u laissez faire. Pjanifikar u impriżi governattivi mqabbla ma’ ekonomija tas-suq. 

Illum id-diskors politiku (u l-kontroversji) jagħqdu l-aktar madwar għażliet ta’ proġetti infrastrutturali, l-ambjent u min hu l-aktar kompetenti biex imexxi. (F’dan m’inix insemmi l-korruzzjoni. Dik dejjem kienet kwistjoni tbaqbaq, fl-imgħoddi daqs illum.) 

Il-bidla ilha ġejja għalkemm ma nafx jekk hijiex għall-aħjar. Wieħed mill-ewwel sinjali tagħha kienet tweġiba li ta mingħalija l-Ministru tal-Fianzni tal-ewwel amministrazzjoni ta’ Fenech Adami bejn l-1987 u l-1992 għal mistoqsija parlamentari li għamiltu: Meta l-gvern kien se joħroġ il-pjan ta’ żvilupp ekonomiku għal Malta? 

It-tweġiba: Il-gvern mhux biħsiebu joħroġ pjan (bażikament għax iż-żmien tal-pjani ekonomiċi għadda… għalkemm dan ma ntqalx fl-abjad u l-iswed).

F’ħafna oqsma, l-ħidma politika ġiet “ridotta” għal adattamenti skont iċ-ċaqliq tas-suq ħieles.

ATROĊITAJIET

L-argumenti dwar l-atroċitajiet ta’ Bochu jistgħu jmorru naħa jew oħra. Personalment ma nsibx konvinċenti ċ-ċaħdiet ħierġa mill-Kremlin. L-ewwel nett ir-Russja ta’ Putin tilfet ħafna mill-kredibilità tagħha meta qattgħet ġimgħat tiċħad li qed tiġma’ t-truppi tagħha qrib il-fruntieri tal-Ukrajna, biex tattakka dan il-pajjiż. Mentri fil-fatt, hekk għamlet.

Imbagħad jidher sew issa li t-truppi Russi – bogħod milli jwettqu r-rebħa ta’ malajr li kellhom iwettqu – sfaw miżmuma b’ħafna telf, waqt li ma kinux imħarrġa sew għall-ħidma mdemmija li ntbagħtu għaliha. Mhux l-ewwel darba li truppi li jħossuhom maqbuda f’nassa iwettqu atroċitajiet… Dwar jekk dawn kinux parti minn pjan Russu biex jitterrorizza l-popolazzjoni ċivili Ukrena, jista’ jsir magħruf bi stħarriġ magħmul minn investigaturi newtrali.

Naraw jekk ir-Russja tkunx lesta taċċetta investigazzjoni bħal din.

SAĦĦA MENTALI

Hi ħaġa meħtieġa li s-saħħa mentali titqajjem bħala materja li dwarha iridu jittieħdu inizjattivi ġodda. F’Malta ilna nitkellmu dwar hekk, bla ma avvanzajna wisq. Ftit ilu, l-Partit Laburista organizza konferenza dwar x’għandhom ikunu l-miri ta’ politika soċjali li tagħti piż xieraq lill-bżonnijiet ta’ aktar kura għas-saħħa mentali.

  Fil-Parlament Ewropew, il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi qed iħejji dokument ta’ politika dwar is-saħħa mentali bi proposti serji. Punti ewlenin tiegħu jitilqu mill-istraġi li l-pandemija tal-Covid 19 ġabet fost familji u persuni minħabba l-iżolament li imponiet fuqhom; biż-żieda fil-vjolenza domestika li ġabet magħha l-pandemija bħala parti mill-istress mentali… 

Ir-rapport tas-soċjalisti u d-demokratiċi seta’ ffoka aħjar fuq l-għażliet li jridu jsiru fil-prioritajiet ta’ politika soċjali. Din trid tiġi indirizzata b’mod li tassew tpoġġi s-saħħa mentali fiċ-ċentru tal-inizjattivi soċjali. Imma trid tibda minn x’imkien.

Ekonomija

Sport