Didier Deschamps aċċetta estensjoni tal-kuntratt biex jibqa’ l-coach tat-tim nazzjonali ta’ Franza għal erba’ snin oħra, jiġifieri, sat-Tazza tad-Dinja 2026.
L-FA Franċiża, ikkonfermat li ntlaħaq ftehim ma’ Deschamps biex jerġa’ jmexxi lit-team sa Tazza tad- Dinja oħra.
Dan ifisser ukoll li huwa se jkunu ukoll fir-responsabbiltá taż-żewġ tournaments maġġuri li jmiss – il-UEFA Nations League u l-Euro 2024.
Għaldaqstant, dan il-coach ta’ 54 sena, se jkun ilu fit-tmun tat-team Franċiż għal 14-il sena wara li kien ingħata din il-kariga, fl-2012.
L-FA Franċiż esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li Deschamps aċċetta t-tiġdid tal-kuntratt u faħħret ir-rekord eċċezzjonali tiegħu mat-team nazzjonali.
Huwa mexxa lil Franza għat-tieni trijonf tat-Tazza tad-Dinja fit-tournament tal-2018 fir-Russja minkejja li f’Novembru li għadda kellu jċedi x-xettru wara li fil-finali sfaw megħluba 4-2 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 3-3.
Deschamps mexxa wkoll lil Franza għall-finali tal-Euro 2016, kif ukoll rebaħ il-UEFA Nations League, fl-2021.