Wednesday, April 24, 2024

X’kellhom xi jgħidu l-kowċis rispettivi ta’ Birkirkara u Man. United wara l-logħba?

Aqra wkoll

Esperjenza indeskrivibbli. Li tara tim bħalma huma dawn il-plejers hija xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Il-plejers tiegħi kienu eċitati li jaraw il-plejers jittrenjaw aħseb u ara jilagħbu kontrihom. Iddikjara dan il-Kowċ tat-tim tan-Nisa ta’ Birkirkara FC, José Borg b’reazzjoni għal-logħba tal-bieraħ fejn it-tim tiegħu sofra telfa kbira ta’ 10-0.

Borg qal li r-riżultat kien mistenni iżda minkejja li kien hemm ċertu plejers li l-biża’ għamlet tagħha iktar fihom, oħrajn dehru li għamlu logħba tajba. 

Iżda fuq kollox huwa qal li din il-logħba tista’ sservi bħala tagħlima biex fic-Champions League nkunu nafu diġà l-livell ta’ plejers li nistgħu niltaqgħu magħhom. 

Ritratt: Walter Sargent

Il-kowċ Karkariż, qal li minkejja li r-riżultat mhuwiex xi wieħed li jista’ jservi ta’ promozzjoni bħala l-logħba li mmarkat l-ikbar attendenza waqt logħba futbol tan-nisa f’pajjiżna, il-livell ta’ dan it-tim fl-opinjoni tiegħu huwa wieħed li jitqabbel ma’ futbol tal-irġiel. 

Huwa temm jgħid li issa bħala tim se jkunu qed jiffukaw fuq il-kampjonat lokali u fiduċjuż li jkomplu fejn ħallew aktar kmieni fl-ewwel logħbiet tal-istaġun.

“Bil-wirja tagħna wrejna rispett lejn dak li huwa t-tim ta’ Birkirkara”

Min-naħa tiegħu l-kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Manchester United Marc Skinner qal li l-esperjenza tagħhom f’pajjiżna se tibqa’ speċjali għall-klabb. Huwa qal li mhux biss it-taħriġ, il-logħba, iżda anke l-attendenza rekord għal din il-logħba turi s-sabiħ li tiltaqa’ mas-sapporters wiċċ imb wiċċ speċjalment wara żmien iebes bħalma kien dak tal-pandemija.

Huwa qal li bħala tim, kienet importanti li l-wirja tat-tim tiegħu turi rispett lit-tim avversarju u dan huwa li għamel kontra Birkirkara.

Rigward il-logħba kontra Liverpool, Skinner qal li t-taħriġ f’pajjiżna kien parti importanti mit-tħejjija. Qal ukoll li konxji li l-avversarji huma b’saħħithom, iżda sostna li jemmen li t-tim tiegħu b’din il-mentalità jinsab preparat għall-bqija tal-istaġun.

Sport