Friday, April 26, 2024

Malti jipproduċi film qasir biex jgħin raġel bla saqaf fuq rasu fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Mark Trapani hu student li qed jistudja fil-belt Ingliża ta’ Salford u qed jagħmel kors fuq livell Masters. Aktar qabel hu gradwa fil-kimika u l-bioloġija filwaqt li għandu degree fuq livell Masters fil-Kreattività u l-Innovazzjoni. Hu studja fil-belt Belġjana ta’ Ghent fejn ħadem ma’ kumpanija lokali tal-films. Dan il-qasam dejjem affaxxina lil Trapani sa minn meta kien żgħir fejn l-għors tiegħu kien li jara dokumentarji tan-natura man-nannu tiegħu. Għoxrin sena wara daħal fix-xena tal-vidjografija fejn hemmhekk kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ nies ġodda li lesti jgħidu l-istorja tagħhom. 

Kellu l-mumenti tiegħu li diffiċli jinsa fosthom fi Sri Lanka jew fit-Tażmanja fejn permezz tal-videos kellu ċ-ċans jqajjem kuxjenza dwar temi ferm importanti relatati mal-ambjent.

Dan l-aħħar, Trapani kien fl-aħbarijiet minħabba li pproduċa film qasir iżda li fih messaġġ qawwi ferm dwar raġel li għandu kelb iżda b’xorti ħażina m’għandux saqaf fuq rasu. Hu qed jiġbor il-flus sabiex dan ir-raġel ikollu post fejn joqgħod matul din ix-xitwa f’pajjiż fejn bħalissa t-temperaturi qed ikunu bejn grad u ħames gradi celsius matul il-ġurnata u saħansitra ħames gradi taħt iz-zero matul il-lejl.

Trapani, bħala parti mill-kors MA tiegħu fuq Wildlife Documentary Production fl-Università ta’ Salford fl-Ingilterra ngħatatlu biċċa xogħol sabiex jipproduċi film qasir dwar ir-relazzjoni bejn bniedem u annimal. 

Moħħ Mark mar fuq Justin, raġel ta’ 58 sena bla saqaf fuq rasu li ltaqa’ miegħu waqt li kien qed juża’ r-rota madwar il-belt. Ma’ Justin kien hemm il-kelb Bumper li prattikament mingħajr xulxin ma jgħixux.

Dan is-sit tkellem ma’ Mark Trapani dwar din l-esperjenza partikolari li biha ried iwassal messaġġ lis-soċjetà inġenerali.

“Ridt nagħmel din il-biċċa xogħol jew kif insejħulha bl-Ingliż assignment sabiex noħloq xi ħaġa li għandha valur u li biha forsi nġib bidla għall-aħjar lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna tagħna. Dan kollu ridt nagħmlu mingħajr ma mmur barra mis-suġġett u nsemmi r-relazzjoni bejn il-bniedem u l-annimal. “

“B’xorti ħażina, ir-Renju Unit għaddej minn diversi kriżijiet ekonomiċi li bihom qed jiġu effettwati numru ta’ familji bi dħul baxx. Dawn għallinqas għandhom fejn jgħixu għax imbagħad għandek realtà oħra ta’ dawk li m’għandhomx dar, appartament jew kamra fejn jorqdu.”

Mark Trapani qal li s-soċjetà inġenerali sfortunatament toħloq ċerta stigma fuq dawn in-nies. Ħafna jgħidu li għandhom il-vizzju tad-droga jew inkella jixorbu l-alkoħol. Madankollu dan mhux il-każ u kien għalhekk li ddeċieda li joħloq dan il-film qasir sabiex jegħleb din l-istigma tant kerha.

Iżda x’kien fih eżatt dan il-film?

“F’dan il-film qasir, naraw lill-karattru Justin li jkun qed jilgħab mal-kelb Bumper fit-toroq ta’ Manchester filwaqt li n-nies li jkunu għaddejjin minn hemm iħarsu. Justin ikellem lil Bumper u jgħidlu li jħobbu filwaqt li mingħajru m’hu xejn.”

Hawnhekk Mark Trapani jitkellem dwar ir-realtajiet li jeżistu f’ċerti bliet fejn diversi huma dawk it-tallaba li jkunu fit-toroq. Ħafna nies, ġieli inkluż anke hu, iħarsu n-naħa l-oħra taparsi ma rahomx. Fil-fatt ikun impossibbli li tagħti lil kull tallab li tara. Madankollu Trapani ried jidħol fid-dettall ta’ dan is-suġġett bil-viżjoni ta’ Justin li baqgħet ġo moħħu.

Għalhekk ġietu idea li minnha jkun jista’ jgħin lil dan il-povru raġel li kulma għandu hu biss il-kelb tiegħu. Wara li bagħat din il-produzzjoni, Mark mar lil hinn minn hekk u nieda online fundraiser b’objettiv li jiġbor €300 sabiex jgħin lil dan ir-raġel matul l-istaġun kiesaħ tax-xitwa. 

“Bla dubju li meta int tispiċċa barra, bla wens u kumdita’ s-saħħa mentali tiegħek mhux se tibqa’ l-istess. Minkejja kull għawġ li jgħaddi minnu, Justin għandu lil Bumper li verament hu ta’ wens għalih. Huma ma jistgħux jgħixu mingħajr xulxin.”

“Jien irrid li Justin ikollu ċ-ċans għallinqas jorqod ġo post tul il-lejl u eventwalment imbagħad jissetilja sew.”

Trapani jgħidilna li bniedem hekk imsejjaħ homeless bl-Ingliż għandu sfidi kbar quddiemu. Ġeneralment barra minn Malta dawn in-nies ma jkollhomx familja u għalhekk jgħixu ħajja solitarja. Huma ma jkollhomx sens ta’ ħajja jew organizzazzjoni anzi jgħaddu l-ħin tagħhom minn filgħodu sa filgħaxija f’xi rokna ta’ xi belt jew quddiem xi monument jew post storiku jaraw kif se jiddubbaw il-flus. Bosta minn nies jagħtu dik ix-xi ħaġa żgħira forsi xi ċenteżmu jew tnejn li bihom jixtru xi ħaġa x’jieklu għal dik il-ġurnata. 

Il-ġranet tagħhom m’għandhomx limitu jew aħjar m’hemm l-ebda garanzija jibqgħux ħajjin jew le. Il-futur hu mċajpar u ma jafux x’hemm lest għalihom. “Ir-riċerka tgħid ukoll li n-nies li huma bla saqaf fuq rashom ibatu ħafna mentalment minħabba li jqisu ruħhom bħala żejda għas-soċjeta’ u piż fuq ħaddieħor. Il-problema tkompli tikber meta dawn jaraw li m’hemmx dawl fl-aħħar tat-tunnel. Fil-każ ta’ Justin allaħares ma kienx il-kelb tiegħu għax kieku l-problemi mentali tiegħu jikbru ferm. 

Mark Trapani spjegalna wkoll dwar x’għandu f’moħħu sabiex jiġbor aktar flus għal dan ir-raġel li d-destin tiegħu ma tantx kien wieħed mill-ħelwin.

“Bdejt din il-ġabra online bit-tir li niġbor €300. Se jkun hemm rivista partikolari li tiswa ftit ċenteżmi li n-nies ikunu jistgħu jixtruha u fl-istess ħin ikunu qed jgħinu. Kif jgħidu bil-qatra l-qatra timtela’ l-ġarra.”

Sport