Waqt il-podcast Isma’ Dean, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela wera d-differenza ċara li teżisti bejn il-proposti fuq il-liġi tas-suċċessjoni mressqa mill-Partit Laburista u dawk li ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif il-proposti tal-Partit Laburista jnaqqsu l-piż minn fuq l-ulied, mentri dik tal-Partit Nazzjonalista toħloq piżijiet ġodda u bla bżonn.
Intervistat mill-avukat Dean Hili, Dr Abela qal li llum, meta l-ġenituri jiġu neqsin, l-ulied ma jħallsux taxxa fuq ir-residenza ordinarja li jirtu mingħandhom. Spjega li huma bosta dawk il-familji li jkunu investew li faddlu fi proprjetà oħra barra r-residenza ordinarja.
Dr Abela qal li jekk ikun elett Gvern Laburista, l-ulied li jirtu proprjetà li ssir ir-residenza ordinarja tagħhom, anki jekk din ma kinitx ir-residenza tal-persuna mejta, se jiġu eżentati milli jħallsu t-taxxa tal-boll fuq is-suċċessjoni.
Ġab l-eżempju jekk koppja b’żewġt itfal kellha dar residenzjali u żewg appartamenti, iż-żewgt itfal jieħdu sehem kull wieħed mid-dar residenzjali u appartament kull wieħed u dawn ikunu għal kollox eżenti mit-taxxa sakemm l-appartamenti jsiru r-residenza ordinarja tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li f’każ fejn ikun hemm propjetà addizjonali, biex inaqqas mill-piżijiet finanzjarji mmedjati fuq dawk li jirtu, il-Partit Laburista qed jipproponi li l-ħlas tat-taxxa tas-suċċessjoni jkun pospost sa meta l-ulied ibigħu dik il-propjetà.
Dr Abela qal li dan ifisser li l-ulied issa se jħallsu dak dovut f’taxxa tas-suċċessjoni fi żmien meta jkunu daħlu flus minn dik il-propjetà, u mhux qabel. Imma fl-istess ħin minħabba li jkun sar l-assesjar tal-valur tal-propjetà meta din tintiret, it-taxxa fuq żieda fil-valur kapitali fuq din il-propjetà se tkun ibbażata fuq biss il-bidla fil-valur tal-propjetà.
B’kuntrast, il-Prim Ministru qal li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista tfisser li meta l-ulied ibigħu eventwalment il-propjetà jispiċċaw maqbudin fuq il-valur sħiħ tal-propjetà bir-rata ta’ 8%, li hija ferm għola mir-rata ta’ 5% tat-taxxa tas-suċċessjoni.
Dr Abela fisser li jekk persuna tiret propjetà u tagħmilha r-residenza ordinarja tagħha, ma teħel ebda taxxa, anke meta tbigħ din il-propjetà. B’kuntrast bil-proposta ta’ Alex Borg teħel €24,000. Il-Prim Ministru filfatt tkellem fuq każ ipotetiku fejn tintiret propjetà li tiswa €300,000 u tinbigħ ftit wara għall-istess prezz. Bil-proposta ta’ Alex Borg, il-werriet jeħel €24,000 taxxa. B’kuntrast, bil-proposta tal-Partit Laburista il-ħlas ikun ta’ €15,000. Differenza ta’ €9,000.
Dr Abela innota li jekk din l-istess propjetà tinbigħ xi snin wara għall-prezz ta’ €350,000, bil-proposta ta’ Alex Borg it-taxxa li jeħel il-werriet tkun ta’ €28,000, mentri dik bil-proposta tal-Partit Laburista tkun ta’ €21,000. Differenza ta’ €7,000.
Il-Prim Ministru sostna li l-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed tnaqqis fit-taxxi, imma għax ma ħasibx il-proposta sewwa, spiċċa joħloq sitwazzjoni ta’ dannu għall-familji, litteralment ħadma ta’ Alex Borg, li jgħidlek li tak roħs u filfatt jeħodlok aktar.
Waqt il-podcast, Dr Abela ħabbar ukoll li wieħed mill-ewwel azzjonijiet tiegħu jekk ikun konfermat Prim Ministru, se tkun li jtemm l-prattika li jekk il-ġenituri qabel jiġu neqsin jagħmlu perjodu mdaqqas barra mid-dar residenzjali tagħhom, per eżempju għax marru ġo home jew marru joqgħodu għand xi qarib, din ma tibqax titqies eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni. Minflok il-propjetà fejn kienu joqogħdu qabel se tibqa’ meqjusa r-residenza ordinarja tal-ġenituri.
Fid-dawl li huma ħafna l-koppji li jħallu lil xulxin bħala l-werrieta universali, il-Prim Ministru qal li Gvern ġdid Laburista se jneħħi t-taxxa tal-causa mortis li trid tħallas il-parti l-oħra fuq nofs il-valur tal-proprjetà li mhix id-dar matrimonjali. Proposta oħra hi li l-ġenituri li jirtu r-residenza ordinarja tat-tfal tagħhom wara li dawn jiġu nieqsa se jiġu eżentati milli jħallsu t-taxxa tal-boll.
Dr Abela qal li Gvern ġdid Laburista jassisti lil dawk il-ġenituri li jgħinu lil uliedhom isiru sidien tal-ewwel residenza tagħhom. L-eżenzjoni fuq il-ħlas tat-taxxa tal-boll fuq proprjetà li jgħaddu l-ġenituri lil uliedhom b’donazzjoni f’ħajjithom se titla’ minn €250,000 għal €1,000,000 għal kull wild. Addizjonalment jekk il-ġenituri jagħtu propjetà li se tkun ir-residenza tal-ulied, ma titħallasx taxxa.
Dr Abela spjega li għal dawk il-ġenituri li qed jagħmlu investiment fil-proprjetà tagħhom sabiex jittrasformawhom fi djar separati fejn jgħixu wliedhom, jekk dawn jagħtu proprjetà lil uliedhom li jkunu first-time buyers se jkunu jistgħu jirċievu rifużjoni ta’ 50% tal-VAT li jkunu ħallsu fuq l-ispiża tax-xogħlijiet.
Il-Prim Ministru sostna li l-għażla quddiem il-poplu hija bejn proposti mhux maħsuba tal-Partit Nazzjonalista u l-proposti maħsuba u soċjalment ġusti tal-Partit Laburista.


