Saturday, May 9, 2026

Operatur ta’ parti terza jweġġa’ wara li rema flares flimkien ma’ skart goff ieħor fil-Magħtab

Aqra wkoll

Illum, operatur ta’ parti terza sofra ġrieħi kkawżati minn ħruq wara li daħal jarmi skart goff fil-faċilità ta’ WasteServ li nstab li kien fih ukoll flares.

Waqt li kien qed iħott, waħda mill-flares qabdet in-nar u kkawżat ġrieħi f’wiċċu.

Filwaqt li WasteServ tawgura fejqan ta’ malajr lil dan l-operatur, tixtieq twissi li r-rimi skorrett u illegali ta’ materjal perikoluż jista’ jpoġġi lin-nies f’riskju kbir.

Il-ħaddiema ta’ WasteServ ipprovdew assistenza immedjata fuq il-post u ċemplu għall-ambulanza. Il-każ ġie rrappurtat lill-Pulizija, u l-investigazzjonijiet għaddejjin.

Sakemm jiġu konklużi dawn l-investigazzjonijiet, WasteServ se tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tipproteġi, b’mod partikolari, lill-impjegati tagħha, lill-faċilitajiet tagħha, lill-kuntratturi, u lill-ħaddiema tal-emerġenza. Dan jinkludi li dan l-operatur ma jitħalliex jagħmel użu mill-faċilitajiet tagħha.

L-inċident seħħ ftit jiem biss wara nar istantanju (flash fire) fil-miżbla tal-Magħtab, li matulu l-impjegati ta’ WasteServ u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili ħadmu għal sigħat twal biex jitfu n-nar.

Nar li nfirex fi ftit sekondi u rrikjeda rispons koordinat bejn il-ħaddiema ta’ WasteServ, bl-użu ta’ makkinarju apposta, u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li assistew fl-operazzjoni b’riżorsi speċjalizzati għat-tifi tan-nar.

“Dawn l-inċidenti juru, bl-aktar mod ċar, li r-rimi irresponsabbli tal-iskart mhuwiex reat żgħir. Flares, batteriji u materjali kombustibbli jistgħu jaqbdu mingħajr twissija u jpoġġu f’riskju lill-ħaddiema, lis-servizzi tal-emerġenza, lill-komunitajiet tal-madwar u lil dawk li jittrasportawhom,” qalet WasteServ.

WasteServ wettqet investimenti kbar fit-tagħmir għat-tifi tan-nar, fit-taħriġ u fit-tħejjija għall-emerġenzi. Madankollu, dawn il-miżuri ta’ protezzjoni jiddependu wkoll fuq li l-iskart jiġi mormi b’mod korrett u responsabbli.

Materjal perikoluż jew li jaqbad m’għandu qatt jintrema ma’ skart goff, f’boroż suwed jew f’boroż oħra tal-iskart. Kull min mhuwiex ċert kif għandu jiddisponi mill-iskart għandu jfittex gwida qabel jarmih, billi jċempel is-servizz tal-klijenti ta’ WasteServ fuq 8007 2200 jew jibgħat email fuq [email protected].

“L-impjegati ta’ WasteServ u s-servizzi tal-emerġenza m’għandhomx jitqiegħdu f’riskju minħabba rimi irresponsabbli jew illegali tal-iskart. Il-kooperazzjoni tal-pubbliku hija essenzjali biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn u biex ħadd ma jweġġa’.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport