Saturday, May 9, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela jenfasizza li l-Manifest Int Malta se jwassal għal aktar titjib fil-wellbeing tal-Maltin u l-Għawdxin

Aqra wkoll

Waqt l-attività Magħkom fil-Mosta, li ttellgħet f’Milbrae Grove, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela sostna li enfasi ewlenija tal-Manifest Int Malta hija li jkomplu jtejbu l-wellbeing tal-Maltin u l-Għawdxin. Semma kif il-proposti tal-manifest se jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha b’25%. Apparti dan, kull miżura li qed tiġi proposta hija studjata, maħsuba u costed.

Dr Abela saħaq li għax pajjiżna għandu ekonomija b’saħħitha li qed tkompli toħloq il-ġid, din qed jinvestuha lura fil-Maltin u l-Għawdxin. Huwa għamel referenza għal uħud mill-proposti mill-Manifest Int Malta, fosthom li jagħtu aktar ħin lill-ġenituri mal-wild ta’ uliedhom billi jiżdied il-leave tal maternità bi tmien ġimgħat, jirdoppja l-leave tal-paternità għal xahar u jiġi introdott sitt xhur leave għall-ġenituri. Semma wkoll 28 ġurnata leave oħra għall-ġenituri bejn il-quċċija u t-tieni sena tat-tarbija. Dawn il-miżuri se jkunu mħallsa mill-Gvern.

Il-Prim Ministru sostna li se jkomplu jtejbu l-qagħda finanzjarja tal-familji u semma l-proposta tas-super bonus ta’ elf ewro li se jieħdu kull min jaħdem u dawk part time li jaqilgħu inqas minn €12,000 se jieħdu bonus pro rata li ma jkunx inqas minn €500. Semma wkoll il-proposta li jtellqu diskussjonijiet mal-istakeholders sabiex ikomplu jsaħħu l-prattiċi flessibbli ta’ xogħol.

Dr Abela għamel referenza għall-investiment ġdid li inawgura din il-ġimgħa fejn se jinħolqu 250 karriera ta’ kwalità li jridu jinħatfu miż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Dr Abela qal li daqstant ieħor huwa importanti li jkomplu joffru l-familji ambjent aħjar. Qal kif proprju Milbrae Grove huwa xhieda tal-ħafna ħidma li twettqet biex ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji permezz ta’ investiment b’saħħtu fl-ispazji ħodor u miftuħa. Hawn semma wkoll il-proġetti ta’ Manoel Island u l-White Rocks.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Partit Laburista se jibqa’ jinvesti fil-familji, fin-negozji u se jibqa’ jgħin lil kulħadd sabiex ħadd ma jitħalla lura. Temm jgħid li l-għażla tal-Manifest Int Malta hija dik li trid tieħu lil pajjiżna għal-livell ta’ suċċess li jmiss.

Uffiċċju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport