Minn Cristian Muscat
Dan it-tmiem il-ġimgħa se jkun wieħed mill- aktar interessanti hekk kif se jintlagħbu l-partiti li jirrigwardjaw ir-rebħ tat-titlu kif ukoll se jiġi deċiż min se jiġi relegat.
Bla dubju, l-aktar partita li tispikka hija dik bejn ir-rivali eterni Floriana u Valletta … bir-rebbieħa jikkwalifikaw għall-finali kontra r-rebbieħa bejn Hamrun Spartans u Marsaxlokk.
Il-format huwa dak li hu fejn il-clubs ivvotaw għalih fil-bidu tal-istaġun li għadda hekk kif jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu.
Iżda llum hemm sitwazzjoni fejn Floriana, li tellgħu total ta’ 70 punt, se jiffaċċjaw lil Valletta li rreġistraw 53 punt matul l-istaġun kollu … differenza ta’ 17-il punt … u llum partita fuq 90 minuta se tiddeċiedi d-destin tagħhom.
L-ebda Furjaniż m’għandu jkun irrabjat għax kulħadd jaf ir-regolamenti … fejn is-sitwazzjoni setgħet kienet bil-kontra.
Lil hinn mix-xenarju ta’ Floriana u Valletta, wieħed jistaqsi kemm hu ġust dan il-format?
X’inċentiv qed jagħti dan il-format lil dawk it-timijiet li jibbrillaw?
Sitwazzjoni oħra, teżisti fin-naħa t’isfel tal-klassifika. Kemm huwa ġust dan il-format għal Naxxar Lions li fit-tieni stadju lagħbu fit-Top Six wara li fl-ewwel stadju spiċċaw fil-post ta’ qabel l-aħħar fil-Bottom Six tal-Opening Round.
Allura l-fatt li huma stinkaw u fit-tieni fażi lagħbu fit-Top Six ma swiet għal xejn … meta issa se jilagħbu kontra Mosta u jistgħu jiġu relegati?
Min-naħa ta’ Mosta, fiż-żewġ fażijiet dawn bdew ‘jinnamraw’ mar-relegazzjoni u f’partita ta’ 90 minuta jistgħu jikkastigaw lin- Naxxarin għaċ-Challenge League.
Id-differenza totali ta’ punti bejn dawn iż-żewġ timijiet hija ta’ disgħa favur il-Lions … u l-istess każ japplika għal Zabbar St Patrick u Tarxien Rainbows li għandhom l-istess differenza ta’ punti.
Dan il-format possibbilment għandu jbiddel ir- regolamenti biex iż-żewġ timijiet li jirbħu l-Opening u l-Closing Rounds ikunu inċentivati fil-Final Four … biex jiġu ppremjati tal-bravura li jkunu għamlu … jew inkella tintlagħab finali bejniethom … li tkun ġusta bejn l-aħjar żewġ timijiet!
Min-naħa l-oħra, forsi dan il-format jinsab fis-seħħ biex ikisser il-monopolju ta’ team li jitlaq jiġri bil-kampjonat u jintilef l-interess f’nofs l-istaġun.
Ħaġa oħra pożittiva hija li r-rebħ tal-kampjonat jintemm b’partita deċiżiva biex tiġbed mijiet ta’ partitarji taż-żewġ finalisti … kontra dak li team li jirbaħ il-kampjonat, fil-ġurnata tal-preżentazzjoni jkun hemm biss il-partitarji tiegħu.
Hawn min jaqbel … u hawn minn ma jaqbilx!
*Intant, il-konfront bejn Valletta u Floriana huwa dejjem ‘finali’ hekk kif dawn tal-aħħar se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ tliet players minn sospensjoni – Kouya Aristide Mabea, Rui Manuel Linhares Areias u Myles Beerman.
Il-Beltin se jkollhom il- players kollha għad-dispożizzjoni tagħhom.
*Fil-partita kontra Marsaxlokk, Hamrun Spartans ma jistgħux jagħmlu użu mis- sospiż Danilo Bulevardi.
Mill-bqija, iż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aħjar formazzjoni possibbli.
*Filwaqt li Zabbar St Patrick u Tarxien Rainbows se jkollhom il-players kollha għad-dispożizzjoni, għal Naxxar se jirritornaw tliet players minn sospensjoni kontra Mosta – Mattias Debono, Gustavo Felipe de Campos Goncalves u Vinicius Ferreira De Jesus. Għal Mosta se jirritorna Zachary Brincat minn sospensjoni.
F’każ li l-partiti jispiċċaw fi draw, jingħata l-ħin barranin u jekk jibqgħu f’paritá, jingħataw il-penalties.


