Wednesday, December 18, 2024

DIĠÀ NSEJNA KLIEM IL-PAPA FRANĠISKU?

Aqra wkoll

Ġimgħa ilu kellna fostna lill-Papa Franġisku. Smajnieh sew kull meta kellimna, mhux b’widnejna biss iżda bil-kuxjenza tagħna, b’qalbna, b’moħħna? Fhimnieh? Tajjeb li lqajnieh bid-daqq tal-qniepen, bil-bnadar, biċ-ċapċip u bl-għajta “Viva l-Papa” …

Imma nkunu ħlejna din iż-żjara jekk ngħidu biss rajnieh dħuli u simpatiku, kemm jaf jidħol f’qalb in-nies jew qisnieh biss bħala persuna famuża oħra li żaritna għal 32 siegħa. Se nistaqsu u nwieġbu l-mistoqsija x’hemm marid fil-politika lokali u fis-soċjetà tagħna? Il-Papa f’dan id-diskors diġà jgħinna nwieġbu. Lesti nfejqu dan il-mard, bil-fatti u mhux bil-kliem?

Ma rridx infaqqar jew ngħawweġ kliem il-Papa. Aħjar nerġghu nisimgħuh fi kliemu stess. L-għaqda u s-sliem fostna jridu jkunu mibnija fuq “il-pilastri ta’ soċjetà ċivilment avvanzati: “L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza … L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li, meta jonfoħ mit-tramuntana jnaddaf il-kosta tal-pajjiż.”

“… f’Malta fejn il-ġmiel … għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li mhux biss iħassru l-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni. Minflok, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġustizzja soċjali (għandhom) jħejju l-ġejjieni u huma toroq mill-aħjar biex liż-żgħazagħ iqajmu fihom il-passjoni għal politika tajba, u jbegheduhom mill-apatija u n-nuqqas ta’ impenn.”

Kemm se nieħdu bis-serjetà dan il-kliem li qalilna ġimgħa wara li kellna l-elezzjoni ġenerali u fiha kien hemm numru nkwetanti u iżjed mis-soltu ta’ votanti li ma ġabrux il-vot, jew ġabruh u ma vvotawx jew ħassruh. X’messaġġ qed jibgħatulna/ Se jkollna l-kuraġġ nidħlu fil-fond għala u nieħdu l-passi meħtieġa biex nisimgħu dawk li tkellmu jgħajtu bis-skiet tagħhom?

“ … il-progress ma jfissirx tqaċċit mill-għeruq tal-imgħoddi f’isem il-prosperita` falza ddettata mill-qliegħ, mill-ħtiġijiet ikkawżati mill-konsumiżmu, kif ukoll mid-dritt li kulħadd għandu jedd għal kollox.”

“Inħeġġiġkom biex tissuktaw tiddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha. Iżda wkoll biex f’kull waqt milli tkun skartata u milli tisfa’ traskurata … qed naħseb speċjalment fid-dinjità tal-ħaddiema, tal-anzjani u tal-morda. U liż-żgħażagħ li … jiġru wara illużjonijiet (bħad-droga) li jħallu fihom vojt kbir.”

Għall-paċi fil-Mediterran

Irringrazzjana tas-sehem tagħna biex nilqgħu l-migranti li jitilqu minn pajjiżhom “ifittxu t-tama”. Ikollhom jitilqu minhabba “… l-inġustizzji tal-imgħoddi, ta’ tant sfruttament, ta’ tibdil fil-klima, ta’ kunflitti miżerabbli li huma jħallsu l-konsegwenzi tiegħu.

Qal: “Xi pajjiżi ma jistgħux jitgħabbew bil-problema kollha tal-indifferenza tal-oħrajn… Il-Mediterran għandu bżonn responsabbiltà Ewropea komuni u maqbula biex isir mill-ġdid inħawi ta’ solidarjetà u ma jkunx il-fruntiera ta’ nawfraġju traġiku ta’ ċiviltà.” Jifhem li tilqa’ fostna l-migranti “jġib tbatija u jitlob ċaħda.” Jappella: “…ejja ngħinu lil xulxin biex ma nħarsux lejn il-migrant bħala theddida… jew virus li għandna niddefendu ruħna minnu…”

Papa Franġisku tkellem dwar il-martirju li għaddejja minnha l-Ukrajna bil-gwerra li l-President Russu Vladimir Putin qed imexxi kontra tagħha. “il-gwerra ilha titħejja minn żmien b’investimenti kbar u l-kummerċ tal-armi.”

“… ftit setgħana li għadhom għaddejjin… b’imperjalizmi ġodda …u b’hekk mhux biss il-paċi, iżda wkoll tant kwistjonijiet kbar oħra bhalma huma l-ġlieda kontra l-ġuħ u d-disugwaljanzi, fil-fatt sfaw imħassra mill-aġendi tal-politika prinċipali.”

Fl-aħħar appellalna biex “Malta, il-qalb tal-Mediterran, tkompli ssaħħaħ it-taħbit tal-qalb tat-tama, il-ħarsien tal-ħajja, li tilqa’ dawk li l-barranin u l-ħerqa għall-paċi …”

Kapaċi lkoll kemm aħna nagħmlu eżami tal-kuxjenza wara dan il-messaġġ ta’ Papa Franġisku? U wara li nagħmluh, se nippruvaw bis-serjetà nieħdu l-passi meħtiega biex ninbidlu u nsiru poplu u pajjiż aħjar, fejn it-tajjeb u l-progress ma jitkejjilx biss bl-istatistika tat-tkabbir ekonomiku?

Ekonomija

Sport