Friday, April 19, 2024

Dillon Cassar u Lisa Bezzina jirbħu t-Titlu Nazzjonali tal-Cross Country

Aqra wkoll

Dillion Cassar u Lisa Bezzina rebħu t-titlu nazzjonali tal-cross country bl-avveniment jirritorna wara nuqqas ta’ numru ta’ snin fil-kalendarju tal-atletika nazzjonali.

Filwaqt li l-atleti huma mdorrija jiġru fit-trakka jew fit-triq, din id-darba kellhom jiġru fuq terren aktar artab iżda li joffri sfida akbar, fuq rotta mal-permitru tal-grawnds tal-Marsa, b’tajn u ostakli oħra matulha.

Dillon Cassar (Mellieħa AC), kompla jibni fuq il-perjodu impressjonanti li għaddej minnu, fejn għeleb l-isfida ta’ Luke Micallef u Muhammed Ahmed Khadar (it-tnejn ta’ Pembroke) u Simon Spiteri (St. Patrick’s AC).

Lisa Bezzina temmet il-kalendarju ta’ Athletics Malta għal din is-sena b’rebħa oħra, fejn saret ic-champion nazzjonali tan-nisa tal-cross country, b’Rachel Borg u Rosalie Borg, it-tnejn ta’ Pembroke, jispiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Jean Claude Randon (Raptorz AC) rebaħ it-titlu tal-Under 23 filwaqt li Gabriel Farrugia (Evolve EC) għeleb lil David Borg (Athletix Gozo AC) f’tellieqa missielta li matula bidlu l-ewwel pożizzjonijiet għal diversi drabi.

Kayla Farrugia (St Patrick’s) rebħet it-titlu femminili tal-Under 20.

Dan l-avveniment kien appoġjat minn Garmin Malta u Eurosport.

Sport