Monday, December 9, 2024

Din il-kriżi se tiddefinixxi l-kobor tal-ħidma tal-GWU

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja jispjega dwar kemm il-GWU qed tkun proattiva f’dawn iż-żminijiet

Minn Maria Azzopardi 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-GWU se taħdem bħala interlokatur, “fejn mhux biss nisimgħu l-ilmenti imma naraw li l-assistenza tasal għand min huwa intitolat għaliha.”

Fl-isfond tal-aħħar żviluppi marbuta mal-imxija tal-Covid-19, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja qal lil Inewsmalta li dan huwa żmien li se jiddefinixxi l-kobor tal-GWU hekk kif spjega dwar kif qiegħda tkun proattiva fi żmien tant delikat u sensittiv. Bugeja qal, ”F’kull krizi iż-żgħir għandu bżonn aktar min jiddefendi d-drittijiet tiegħu u jipproteġih minn abbużi.”  

Is-Segretarju Ġenerali Bugeja beda billi spjega kif internament saret ħidma biex tipproteġi lill-impjegati tagħha fejn ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha kif mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa. Huwa fisser li dan sar ukoll biex l-GWU tkompli tagħti servizz lill-membri tagħna. Huwa żied jgħid li, “Ħafna haddiema u diversi drabi anke employers iduru fuq l-unjin biex jistaqsu dwar id-drittijiet u l-obligi tagħhom, allura huwa essenzjali li l-GWU tibqa’ topera u tibqa’ tagħti servizz.  “Pero daqskemm huwa essenzjali li nagħtu servizz huwa ukoll importanti li nipproteġu lilna infusna,” żied jgħid Bugeja. 

Huwa spjega li s-Segretarji kollha jinsabu impenjati b’mod dirett u b’mod virtwali fid-diversi postijiet ta’ xogħol biex huma jivvalutaw l-impatt li qed ikun hemm b’rabta mas-sitwazzjoni preżenti u flimkien ma’ shop steward jsibu soluzzjonijiet biex kemm jista’ jkun possibbli jimmitigawh. 

Pjan ta’ kontinġenza f’diversi oqsma

Bugeja spjega dwar il-pjan ta’ kontinġenza f’dawn id-diversi oqsma fejn ġie definit il-mod kif jistgħu joperaw mingħajr ma jinfettaw lil ħaddiehor, bħal li jkun hemm shifts differenti, ilbies protettiv jew separazzjonijiet bejn il-magni, fost oħrajn. Ħafna ħaddiema oħra ingħataw il-possibilità li jaħdmu mid-dar. 

Dan qed isir bi pjan strutturat biex l-azjendi jibqgħu għaddejja u filwaqt li l-GWU tkun qed tipproteġi lill-membri tagħha mill-aspett finanzjarju imma ukoll mill-aspett ta’ saħħa. “B’hekk naħdmu ukoll biex kemm jista’ jkun tiġi mwaqqfa l-imxija ta’ dan il-virus,” fisser Bugeja.

Huwa żied jgħid, “Mela fuq naħa għandek l-aspett ta’ produzzjoni u fuq in-naħa l-oħra għandek enfażi akbar fuq is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Barra minn hekk, kuljum qed ikollna eluf ta’ telefonati fuq is-sitwazzjoni preżenti u dwar kull tip ta’ informazzjoni li qed toħroġ.”

Numru ta’ laqgħat li jiddiskutu kemm l-aspett ekonomiku kif ukoll il-qasam tas-saħħa

Is-Segretarju Ġenerali nnota li hawn postijiet ta’ xogħol mingħajr xogħol u l-ħaddiema huma ferm inkwetati li jitilfu l-impjieg tagħhom u hemm ħaddiema oħra li għadhom għaddejin bil-ħidma tagħhom u jibżgħu li se jimirdu. “Allura għandek kuntrast bejn żewġ dimensjonijiet iżda hemm element li jorbothom; il-biża’ tal-inċertezza tal-futur,” qal Bugeja. 

Fuq livell politiku, bħala l-Amministrazzjoni tal-GWU bħala sħab soċjali ewlenija fil-pajjiż qed taħdem mal-gvern f’konsultazzjonijiet diretti biex flimkien jaraw l-impatt dirett fuq il-ħaddiema u r-rispons tal-gvern. Bugeja fisser li, “Huwa importanti li aħna nkunu proattivi u nagħtu l-għajnuna tagħna. Matul l-laqgħat jiġi diskuss kemm l-aspett ekonomiku, kif ukoll il-qasam tas-saħħa.”

Barra minn hekk, l-amministrazzjoni tiehu sehem b’mod attiv fl-MCESD u fl-ERB. Kienet il-GWU li kienet proattiva u talbet laqgħa urġenti dwar il-ħlas tal-leave tal-kwarantina. Il-laqgħat bejn is-sħab soċjali fuq iż-żewġ livelli huma kontinwi u jkun hemm dibattitu mqanqal.  

Bugeja qal li saru passi importanti ħafna iżda fadal ħafna xi jrid jsir. Dwar l-aħħar pakket ta’ inċentivi finanzjarji, biex il-pajjiż jindirizza l-isfida tal-Covid-19, is-Segretarju Ġenerali Bugeja ddeskriva dan il-pakkett ta’ għajnuna diretta fil-pagi bħala patt soċjali storiku li sar wara qbil tal-imsieħba soċjali kollha, jiġifieri l-Gvern, l-unjins u l-għaqdiet ta’ min iħaddem. 

Patt soċjali li jagħti fiduċja lill-ekonomija u jindirizza t-tħassib tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem

Bugeja qal li wara l-ħruġ tat-tieni pakkett il-GWU iddikjarat li kien hemm aspetti tajba, l-għajnuna diretta fil-pagi ma kienitx biżżejjed. “Issa dan il-patt socjali jagħti fiduċja lill-ekonomija tagħna, fl-istess waqt jindirizza kemm it-tħassib tal-ħaddiema kif ukoll ta’ min iħaddem.”

Bugeja żied jgħid li grazzi għal dan il-patt socjali, diversi haddiema anke dawk li mhux membri qed jibbenifikaw minn dan il-pakkett fosthom haddiema fl-ospitalità, tal-ħwienet, il-ħaddiema tal-monti u tat-taxis u dawk l-eluf ta’ ħaddiema li bħalissa mhux joperaw jew jaħdmu, ġew inklużi biex ikunu intitolati għat-€800 ħlas min-naħa tal-gvern u €400 min-naħa ta’ min iħaddem mħabbra fil-pakkett.

Bugeja żied jgħid li l-ħidma tal-GWU ma tieqafx hemm. Huwa osserva li din hija sitwazzjoni fluida u għalhekk jista’ jkun hemm setturi oħra li l-impatt tagħhom se jkun qed jinħass aktar tard. Għal din ir-raġuni, is-Segretarju Ġenerali spjega li wieħed għandu jiżgura li l-finanzi tal-pajjiż jintużaw b’mod għaqli biex meta jasal il-waqt nindirizzaw u ngħinu setturi oħra li se jintlaqtu aktar tard.

Is-Segretarju Ġenerali qal li l-maġġoranza tal-membri qed jikkoperaw u qed jaħdmu b’mod individwali ma’ dawk li jħaddmu biex jimmitigaw l-aspett ekonomiku. Huwa żied jgħid pero, li issa daħlu f’fażi fejn qed jaħdmu fuq proposti speċifiċi għal meta tgħaddi din l-imxija biex jerġgħu jibdew isostnu t-tkabbir filwaqt li l-affarijiet jistabilizzaw u nerġgħu nidħlu għal dik l-imsejħa normalità. Bugeja żied jgħid li d-diskussjonijiet mal-gvern ma jinvolvux biss il-qasam tal-impjiegi iżda jitrattaw ukoll il-benefiċċji soċjali, pensjonanti u l-persuni l-aktar vulnerabbli.

Il-Gvern jeħtieġ li jaħdem ma’ trade unions u min iħaddem 

Bugeja sostna li, “il-Gvern jehtieg li jaħdem ma’ trade unions u min iħaddem biex flimkien insibu soluzzjonijiet biex nipproteġu kemm jista’ jkun l-impjiegi u l-għajxien tagħhom. Dan fisser l-adozzjoni ta’ politiki u pakketti finanzjarji li jżommu l-ekonomija għaddeja b’tali mod li jiggarantixxu l-ħlas tal-pagi.” 

Il-prijorità tal-GWU jibqgħu l-ħaddiema kollha anke dawk barranin

Is-Segretarju Ġenerali sostna li l-prijorità tal-GWU huma l-ħaddiema kollha li tinkludi wkoll il-ħaddiema barranin, dawk Ewropej kif ukoll ħaddiema li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. Dan għaliex il-GWU temmen fil-kunċett ta’ ugwaljanza li ma tagħmilx differenza bejn in-nazzjonalità tal-ħaddiema.  Bugeja qal, “Bħala ħaddiema rridu nipproteġuhom u naraw li ma jiġux abbużati. Qed nagħmlu dak kollu possibbli biex insalvaw l-impjiegi ta’ kulħadd. Naħdmu ma’ diversi kuntratturi biex naraw kif dawn il-ħaddiema jingħataw taħriġ u jinstab xogħol ghalihom. Iżda jiddispjaċini meta nara ħaddiema li mhux imsieħba fil-unjon jiġu terminati b’sempliċi ta’ sms jew ittri fejn jgħidulhom li l-impjieg tagħhom ġie mitmum u jridu jitilqu b’mod immedjat minn Malta. Matul is-seba’ snin li għaddew kienu dawn l-istess ħaddiema li kkontribwew biex diversi imprendituri għamlu miljuni kbar. F’daqqa waħda l-ħaddiem minn investiment saru piż żejjed.” 

Bħala GWU qed tissorvelja u tisma’ l-ilmenti ta’ diversi ħaddiema kemm Maltin kif ukoll barranin li qed jersqu lejn l-Union biex jitkellmu dwar kif qed jiġu affettwati minħabba s-sitwazzjoni preżenti. Dan huwa dak li jiddefinixxi it-trejdunjin fejn in-nies għandhom iħarsu lejn il-protezzjoni li tista’ toffri l-Union anke meta jkun hemm problemi bħal dawk preżenti għax fil-qalba tal-GWU dejjem hemm il-ħaddiema.

Il-GWU bħala interlokatur fejn tisma’ l-ilmenti u tara li l-assistenza tasal

Bugeja semma bħala eżempju l-ħidma tal-GWU li qed issir flimkien maċ-CGIL biex bħala Union tassigura li tingħata l-informazzjoni lill-ħaddiema taljani li hawn Malta filwaqt li tigwidahom għall-assistenza u jispjegawlhom jekk jikkwalifikawx għall-miżuri mħabbra. Filwaqt li CGIL tara li l-istess ħaddiema jinghataw l-għajnuna min-naħa tal-iStat Taljan. 

Is-Segretarju Ġenerali spjega li l-GWU taħdem bħala interlokatur, “fejn mhux biss nisimgħu l-ilmenti imma naraw li l-assistenza tasal għand min huwa intitolat għaliha.”

Bugeja qal li bħala GWU taħdem tajjeb ukoll mad-Dipartimenti kollha tal-Gvern fosthom dak tar-relazzjonijiet industrijali u l-Malta Enterprise.

Fuq qasam internazzjonali, il-GWU għandha kollaborazzjoni kontinwa ukoll mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) biex bħala trejdunjins Ewropej jikkordinaw l-isforzi kollha flimkien filwaqt li jkun hemm il-possibiltà li wieħed jaqsam l-esperjenza tiegħu bil-għan li kulħadd ikun jista’ jitgħallem minn dak li qed jagħmlu trejdunjins oħra.

Bugeja jifhem li l-akbar sentiment bħalissa huwa ta’ dak li mhux magħruf iżda sostna li din hija xi ħaġa temporanja tant li ħafna esperti qed isostnu li mix-xahar ta’ Ġunju għandna nibdew nirkupraw dak li ntilef. 

Sforz kollettiv biex nirbħu dan l-għadu inviżibbli

Bugeja jifhem li dan huwa żmien diffiċli u jifhem il-preokkupazzjoni tan-nies minħabba dan l-“għadu inviżibbli” fejn huwa raġjonevoli li wieħed ikun iktar kawt u jkun irid jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji għal diversi raġunijiet speċjalment minħabba kwistjonijiet ta’ saħħa, iżda jsostni li se ngħaddu minn dan il-perjodu wkoll. Bugeja appella biex kulħadd jibqa’ jsegwi l-appelli mill-awtoritajiet tas-saħħa u appella għall-kollaborazzjoni għax kull wieħed u waħda minna għandu rwol importanti li jista’ jwaqqaf l-imxija ta’ dan il-virus.

“Dan il-virus ma jistax jiġi miġġieled fuq livell individwali, jeħtieġ sforz kollettiv. Is-socjetà tagħna teħtieġ tkun dixxiplinata u segwi l-avviżi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Is-sitwazzjoni titlob responsabbiltà personali, sens ta’ dmir, tħassib għall-proxxmu. Ir-responsabbiltà ta’ kull wiehed u waħda minna mhix biss li tipproteġi lilek innifsek imma li tipproteġi lil ħaddieħor. Flimkien ċert li naslu,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali.

Ekonomija

Sport