Sunday, December 29, 2024

“Din is-sena se nkomplu ntejbu s-servizzi tagħna u ninvestu aktar fir-riżorsi umani”

Jgħid dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) is-Sur Alfred Grixti

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), li s-sena l-oħra fakkret 25 sena ta’ servizz, timpjega madwar 1000 impjegat li 78% minnhom jagħmlu xogħol dirett mal-klijenti. Ir-riżorsi umani huma parti integrali biex kwalunkwe entità tkompli tagħti s-servizz tagħha u proprju parti integrali mill-viżjoni li l-FSWS għandha għal din is-sena hija li tkompli tinvesti fir-riżorsi umani u fl-istess waqt tkompli ttejjeb u żżid is-servizzi li toffri.

Fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti: “Il-viżjoni hija li għandna kemm għandna servizzi qatt mhu biżżejjed u dejjem nenfasizzaw fuq il-bżonn li jkollna iktar riżorsi ħalli nkompli nżiedu s-servizzi biex inkunu nistgħu ngħinu aktar nies. Din is-sena għandna baġit li jippermettilna li nintroduċu ċertu servizzi ġodda. Fost l-oħrajn ħa nkunu temmejna l-proċess li nimpjegaw ir-risk assessors għall-hub il-ġdid speċjalizzat għall-vittmi tal-vjolenza domestika f’Santa Luċija. Ħaġa oħra li verament tagħtini sodisfazzjon hija li bdejna servizz residenzjali ġdid għat-tfajliet li qabel kienu jgħixu fil-Konservatorju Vincenzo Bugeja u li issa ġew għandna u qed joqgħodu fi tliet djar ġodda. Dan ifisser li din is-sena għandna għaxar djar tat-tfal u tnejn għall-aftercare.”

Kif tagħmel kull sena, il-Fondazzjoni dejjem taħdem qatigħ fuq strateġiji u kampanji ġodda bil-għan li tkompli tinforma lin-nies bis-servizzi li toffri. Din is-sena, aktar minn qatt qabel, il-Fondazzjoni se tkun qed tagħmel kampanja biex tattira aktar nies biex jidħlu jaħdmu magħha bħala ħaddiema soċjali.

F’dan ir-rigward, is-Sur Grixti qal: “Meta tara x’għandna bżonn aħna, x’għandhom bżonn l-NGOs u anke entitajiet oħra tal-gvern, tara li l-bżonn ta’ aktar ħaddiema soċjali jibqa’ dejjem reali. Fis-sena 2022/2023 iggradwaw 14 il-ħaddiema soċjali, din is-sena se jiggradwaw 11-il ħaddiem soċjali. Dawn iċ-ċifri jitkellmu weħidhom. Huwa għal din ir-raġuni li fil-ġimgħat li ġejjin il-Fondazzjoni se taħdem fuq kampanji immirati biex immorru anke fl-iskejjel biex nitkellmu fuq din il-professjoni bil-għan li nkomplu nattiraw aktar studenti u persuni jagħżlu din il-professjoni. Ovjament mhux se nieqfu hawn iżda se nkunu qed norganizzaw attivitajiet oħra biex inqajmu aktar għarfien fuq din il-professjoni.”

30 sena ta’ Aġenzija Appoġġ u Aġenzija Sedqa

Ma’ Alfred Grixti tkellimna wkoll dwar il-fatt li din is-sena l-Aġenzija Appoġġ u l-Aġenzija Sedqa, parti integrali mill-FSWS, se jkunu qed jiċċelebraw 30 sena mit-tnedija tagħhom.

Il-Fondazzjoni bħala entità twaqqfet 25 sena ilu imma dak iż-żmien kien hemm żewġ servizzi li diġà kienu jeżistu. Dawn kienu s-Sedqa u s-Social Welfare Development Programme (SWDP), liema servizzi urew li kienu pedamenti sodi li fuqhom kellha tinbena l-FSWS.

Dawn twaqqfu fl-1994. Fl-1998, il-Fondazzjoni nħarġet mill-Foundation for Medical Sciences and Services (FMSS) u ġiet il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Flimkien mal-Aġenzija Sedqa, il-FSWS ħadet ukoll is-Social Welfare Development Programme (SWDP) li aktar ‘il quddiem sar magħruf bħala Aġenzija Appoġġ. L-SWDP beda bi tliet servizzi: il-vjolenza domestika, il-protezzjoni tal-minuri u l-komunitajiet.

Mistoqsi dwar dan it-tragward, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS sostna li l-anniversarji m’għandhomx jiġu biex sempliċement inħarsu lura u nkunu nostalġiċi, iżda wieħed għandu jużahom biex jirrifletti dwar minn fejn telaq, fejn jinsab bħalissa u fejn jixtieq li jmur. Din il-filosofija tgħin biex anke bħala Fondazzjoni tibqa’ aġġornata mal-iżviluppi u b’hekk tibqa’ Fondazzjoni dinamika u rilevanti.

“Id-dinja tal-lum hija għal kollox differenti minn dik ta’ 30 sena ilu. Biex nagħti eżempju, 30 sena ilu l-iktar droga li kienet tintuża u l-iktar waħda li kienet disponibbli kienet l-eroina. Illum il-ġurnata naraw li l-maġġor parti tal-persuni li jabbużaw mid-droga jużaw drogi sintetiċi, droga sintetika li jħaltuha mal-eroina u l-aktar li tintuża hija l-kokaina. Tminn snin ilu bdejna klinika, l-istimulants clinic, ta’ darba fil-ġimgħa biex tgħin lil dawk il-persuni li għandhom il-vizzju tal-kokaina u llum il-ġurnata minn darba fil-ġimgħa telgħet għal tliet darbiet fil-ġimgħa,” qal is-Sur Grixti.

L-anniversarji jgħinuna niċċelebraw il-kisbiet, nevalwaw fejn qegħdin u fejn nixtiequ mmorru

Huwa żied jgħid: “Għaldaqstant, l-anniversarji nużawhom biex niċċelebraw il-kisbiet u anke biex nevalwaw fejn qegħdin u fejn nixtiequ mmorru. L-istess dwar dak li jikkonċerna l-vjolenza domestika. Aħna konna l-pijunieri. Tletin sena ilu ħadd ma kien jitkellem dwar din ir-realtà tant li kienet tabù. Illum grazzi għas-sehem tagħna wkoll hawn aktar għarfien dwar din ir-realtà u li kieku 30 sena ilu ma kienx hemm nies li qalu li mhux talli rridu nitkellmu fuqha imma rridu noħolqu servizz li jagħti għajnuna lill-vittmi, kieku illum il-ġurnata s-sitwazzjoni kienet tkun differenti. Għalina dik hija kisba kbira u ma waqafniex hemm, anzi estendejna s-servizz biex saħansitra noffru għajnuna lill-aggressuri.”

Apparti minn hekk f’dawn l-aħħar snin bdiet tiġi innotata forma oħra ta’ vjolenza domestika li kulma jmur il-każijiet tagħha bdew jiżdiedu u din hija l-vjolenza mit-tfal fuq il-ġenituri. Fil-fatt statistika li ħarġet riċentament minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament turi li fl-aħħar tliet snin, sa Diċembru 2023 il-Pulizija rċeviet 568 rapport li jinvolvu 630 persuni li huma ġenituri li sfaw vittmi ta’ vjolenza domestika minn uliedhom.

Filwaqt li bdiet tosserva din ir-realtà, il-FSWS kienet proattiva u ħolqot servizz ġdid magħruf bħala Child to Parent Violence Service. Permezz ta’ dan is-servizz, tfal li jkunu abbużivi mal-ġenitur/i tagħhom jew adulti li jkunu qed jieħdu ħsiebhom, jiġu megħjuna permezz ta’ ħaddiema soċjali u professjonisti oħra biex jindirizzaw is-sigurtà ta’ kull membru fil-familja.

Apparti dawn iż-żewġ anniversarji, is-Sur Grixti kellimna wkoll dwar eżerċizzju marbut mal-ħidma li tagħmel il-FSWS fil-qasam tal-vizzjijiet li huwa l-ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and Other Drugs). Dan huwa rapport li jitfa’ dawl fuq il-prevalenza ta’ użu ta’ sustanzi, attitudnijiet u mġieba relatati.

Dwar dan, is-Sur Grixti qal: “Fil-bidu ta’ Marzu se nkunu fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex, kemm dawk tal-istat, dawk tal-knisja u dawk indipendenti, fejn flimkien mal-istudenti tal-Form 5 se nkunu qed naħdmu fuq is-survey, li huwa ċensiment rappreżentattiv ferm u li jagħtina stampa ċara fuq x’qed jikkunsmaw it-tfal. Illum qed insibu li tul dawn l-aħħar snin qed jonqos bi ftit l-ammont ta’ adoloxxenti li qed jirrikorru għad-droga u minflok qed insibu li qed iqattgħu ħafna u ħafna ħin online. Dik hija xi ħaġa li tħassibna u tinkwetana ħafna għax int tkun qed tgħix f’dinja virtwali li ġġibek diżorjentat mill-ħajja reali. Dan ukoll huwa vizzju u qed naraw li l-adoloxxenti qed iqattgħu bejn 6-8 sigħat kuljum online. Ma ninsewx ukoll ir-riskji differenti li jeżistu online, fosthom cyberbullying, grooming, sexting u tixrid mhux konsenswali ta’ stampi/ritratti intimi ta’ sieħba jew eks-sieħba.

L-FSWS b’servizzi essenzjali li ma jieqfux fil-Ħdud u l-festi

Biex twettaq il-ħidma siewja tagħha, il-FSWS għarfet li s-servizzi essenzjali tagħha ma jieqfux fil-Ħdud u l-festi. Fost dawn is-servizzi nsibu s-Supportline 179, tal-vjolenza domestika u tal-iSMOPU. Apparti wkoll mis-servizz tal-protezzjoni tal-minuri, ta’ Komunità Santa Marija u tal-Emergency on Call.

Din id-disponibiltà tas-servizzi hija turija ċara ta’ kemm il-FSWS qiegħda hawn għan-nies kif jixhed ċar kemm fil-logo kif ukoll fil-missjoni tagħha. Il-Fondazzjoni qiegħda ‘Hawn Għalik’ biex permezz ta’ servizzi ta’ għajnuna ta’ kwalità u mogħtija fil-ħin, twassal biex il-persuni li jfittxu l-għajnuna tagħha jieħdu rajhom f’idejhom sabiex isiru persuni responsabbli, produttivi u integrati fis-soċjetà u li jagħtu valur lill-ħajja bħala riżorsa li twassalhom biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Professjonisti tal-FSWS isalvaw persuna milli tneħħi ħajjitha f’lejliet l-ewwel tas-sena

Meta wieħed janalizza l-każijiet li taħdem fuqhom il-Fondazzjoni, ammont minnhom ikunu jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali. F’każ riċenti, proprju f’lejliet l-ewwel tas-sena, grazzi għall-professjonisti li jaħdmu fl-uffiċji tas-Supportline nazzjonali l-179 irnexxielhom isalvaw persuna milli tneħħi ħajjitha.

Mistoqsi dwar dan u jekk hux qed isir biżżejjed biex tkompli titnaqqas l-istigma marbuta mas-saħħa mentali, is-Sur Grixti qal: “Jiena naħseb li qed isir ħafna għax kieku n-nies ma jitkellmux fl-apert. Issa ovjament, bħal kull ħaġa oħra, dak il-ħafna mhux biżżejjed u dejjem tista’ tagħmel iktar. Pero l-fatt li qed nitkellmu ħafna iktar dwar is-saħħa mentali, u li hija kwistjoni li dejjem titla ‘l fuq fl-aġenda, naħseb li iva qed inqajmu kuxjenza li persuna għandha tfittex l-għajnuna anke dwar is-saħħa mentali.”

Is-Sur Grixti spjega kif fl-2002-2004, kien inbeda bħala proġett pilota s-servizz ta’ saħħa mentali fil-komunità fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi fejn hemm il-psikjatri, l-infermiera mħarġin fil-psikjatrija, u l-ħaddiema soċjali tal-FSWS. Dan huwa tim li qed jagħti servizz lil madwar 500 pazjent li baqgħu jgħixu fil-komunità. Is-Sur Grixti qal li għall-Fondazzjoni din hija waħda mil-lista twila ta’ stejjer ta’ suċċess. Iżda l-Fondazzjoni ma waslitx s’hemm u waqfet. Madwar tliet snin ilu l-Fondazzjoni ġiet avviċinata mill-psikjatra Dr David Cassar, b’mod proattiv ħafna dan is-servizz ġie estiż u nfetħet klinika għas-saħħa mentali fl-Imtarfa u oħra fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar.

FSWS… Fondazzjoni b’lista twila ta’ stejjer ta’ suċċess

Hawnhekk ta’ min wieħed isemmi kemm il-ħidma fil-komunitajiet hija waħda importanti għall-Fondazzjoni u li hija xi ħaġa li tassew temmen fiha. F’dan ir-rigward, is-Sur Grixti qal li ġew avviċinati mill-Harbour Regeneration Project biex, bħall-proġett li kien suċċess ġewwa l-Belt Valletta, il-Fondazzjoni taħdem proġett ieħor simili fil-Marsa. Huwa qal: “Ħiliet il-Komunità kien proġett li rnexxa u ninsabu tassew entużjasti li nibdew it-taħdidiet biex jekk ikun hemm il-possibiltà li dan il-proġett nestenduh f’lokalitajiet oħra, nagħmlu dan.”

Żied jgħid: “Apparti minn hekk, se jkollna wkoll ir-responsabiltà li nwettqu l-kapitlu soċjali tal-viżjoni ta’ Għawdex gżira ta’ villaġġi. Dawn huma proġetti ġodda li nibdewhom din is-sena u li se jdumu numru ta’ snin imma entużjasti ħafna għalihom għax nafu x’differenza tassew qed nagħmlu għall-aħjar fil-ħajja tan-nies. Jekk tara pereżempju l-komunità Beltija, naraw li issa qabdet ir-rittmu u l-għan tagħna mhux li nibqgħu nżommulhom idejhom imma li n-nies jiskopru l-ħiliet li għandhom u jużaw dawk il-ħiliet biex jikbru minn dan l-aspett billi jibdew jieħdu l-inizjattiva huma stess.”

Kif semmejna qabel, bla ebda dubju, il-FSWS ikollha diversi stejjer ta’ suċċess u mistoqsi dwar liema kienu l-akbar suċċessi li seħħew matul is-sena 2023, is-Sur Grixti beda billi qal li waħda mill-istejjer ta’ suċċess hija marbuta mal-fatt li matul is-sena l-oħra l-Fondazzjoni serviet aktar nies mis-sena ta’ qabel. Fil-fatt is-sena l-oħra serviet aktar minn 23,000 persuna u s-Sur Grixti fisser dan bħala sodisfazzjon kbir.

“Kisba kbira, kif ġa għedt, kienet il-ftuħ ta’ tliet djar residenzjali oħra. Ta’ min wieħed isemmi wkoll li s-sena l-oħra fakkarna l-5 anniversarju tas-servizzi tagħna ġewwa Għawdex u biex nikkommemoraw dan il-fatt ittellgħet konferenza ġewwa Għawdex fejn għaliha attendew ukoll tnejn mill-akbar stakeholders li naħdmu magħhom li huma l-Pulizija u l-Gozo Regional Development Authority.”

Żied jgħid: “Il-lista ta’ stejjer ta’ suċċess li jkollna kull sena hija twila u dan ngħidu tassew b’sodisfazzjon kbir. Fil-fatt bħal kull sena, is-sena l-oħra iċċelebrajna l-gradwazzjoni ta’ grupp ta’ persuni li rnexxielhom jiksbu lura l-indipendenza u s-saħħa li jgħelbu l-vizzji wara li temmew il-programm ġewwa l-Komunità Santa Marija. Għall-ewwel darba kelna wkoll il-gradwazzjoni tal-persuni li ġew mgħejuna mill-professjonisti li jaħdmu fis-servizz imsejjaħ STOP! The violence and abuse. Dawn il-persuni – irġiel u nisa li huma vjolenti fir-relazzjoni intima u jużaw il-forza, jiġu megħjuna biex jieħdu responsabbiltà tal-aġir tagħhom u jitgħallmu jkunu ta’ rispett.”

Fl-aħħar nett, is-Sur Grixti temm b’ringrazzjament kbir għall-professjonisti kollha li jagħtu servizz importanti ferm ġewwa l-Fondazzjoni u appella biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u jagħżlu biex jidħlu fil-qasam soċjali li hija mhux biss karriera imma vokazzjoni li tagħtik sodisfazzjon kbir.

“Għandna l-aqwa ftehim kollettiv fis-settur soċjali u nemmen li l-ftehim kollettiv li qed naħdmu fuqu bħalissa, u li wasalna fl-aħħar fażi tan-negozjati tiegħu, se jkun ukoll pożittiv. Kull min jixtieq bis-serjetà jaħdem f’dan il-qasam soċjali, u jrid li tassew jagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies, umilment naħseb li m’hawnx entità oħra tal-istess livell bħal tagħna li tgħinek twessa’ l-orizzonti tiegħek,” temm jgħid is-Sur Grixti.

Ekonomija

Sport