Saturday, May 4, 2024

“Din iż-żjara trid terġa’ tqajjimna mill-indifferenza lejn xi sezzjonijiet ta’ ħutna l-imwarrba”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan l-Arċipriet Fr Joseph Curmi

Hekk kif illum jibda ż-żjara f’pajjiżna Papa Franġisku, l-istennija hi għall-messaġġ li se jkun qed iwassal il-Papa. M’hemmx dubju li dan se jkun messaġġ ieħor li jisħaq kontra l-indifferenza lejn l-imwarrbin fis-soċjetà tagħna.  Jisħaq dwar dan, l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorg fir-Rabat Għawdex, Fr Joseph Curmi. F’kumment lil Talk.mt hu qalilna li “din iż-żjara trid terġa’ tqajjimna mill-indifferenza lejn xi sezzjonijiet ta’ ħutna l-imwarrba”.

Fr Curmi fil-kumment lil Talk.mt jgħid li “l-Papa għalina l-kattoliċi mhux sempliċi ‘star’ jew persunaġġ famuż li sempliċiment tieħu ritratt miegħu jew attrazzjoni li kemm taraha. Il-Papa għandu missjoni li jwassal l-Kelma ta’ Alla għalina llum. U mingħandu dan hu li nistennew. Il-Papa Franġisku f’dan iż-żmien partikolari qed jimbuttana nerġgħu niftakru li Kristu jinsab fil-fqir u fl-imwarrab. B’għemilu u bi kliemu qed jerġa jfakkarna nfittxu lil dak ħuna li sa issa konna għaddejjin mingħajru. Lilna l-Maltin sikwit jinkoraġġina meta nifthħu l-portijiet u pajjiżna għall-immigranti minkejja ċ-ċokon tagħna.  Jien nemmen li din iż-żjara trid terġa’ tqajjimna mill-indifferenza lejn xi sezzjonijiet ta’ ħutna l-imwarrba.”

Itenni li “nemmen li jinkoraġġina biex ma nibżgħux mill-konsegwenzi li nistgħu ngħaddu minnhom meta niftħu ħalqna u qalbna biex nkunu ta’ vuċi għal dak li leħnu ħadd ma jisimgħu. Nemmen li wara din iż-żjara sabiħ li naħdmu flimkien biex niskopru ftit ħlewwa biex nilqgħu u nagħdru iktar lil xulxin. Din il-ħlewwa il-Papa hu biss rifless tagħha. Il-ħlewwa irridu niskopruha fil-ħniena li Kristu għandu għalina”, jgħidilna l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorg fir-Rabat Għawdex, Fr Joseph Curmi.

Sport