Sunday, December 22, 2024

DINJA BLA GWERRA

Aqra wkoll

Issa li tlaqna b’sena ġdida… jekk il-bidla fil-kalendarju tas-snin għandha tiswa għal xi ħaġa… tajjeb li naraw x’kien l-aktar ta’ theddida fis-sena li għaddiet. Forsi dan iservi biex naraw ukoll x’jista’ jsir ħalli nilqgħu għat-theddida. U nagħmlu dan dejjem b’saqajna mal-art. Għax mhux dejjem il-kalkoli jkunu qed isiru b’rieda tajba minn kulħadd.

Għalija hi ħaġa ovvja (mhux għalija biss) li l-aqwa theddida għas-soċjetà tagħna… ta’ kulħadd… reġgħet saret dik tal-gwerra. Il-problema ta’ kif se nilqgħulha, mhix se tkun maħlula minn Malta, ovvja wkoll. Biss tajjeb li aħna daqs ħaddieħor, nagħrfu minn fejn jinqalgħu l-għejun tal-gwerra li mid-dehra, jistgħu jibqgħu jnixxu minn taħt l-art, bla ma nindunaw.

Imbagħad it-tensjonijiet jiżbroffaw bla mistenni u jwettqu ħerba. Kontra dan il-pass, in-nazzjonijiet iż-żgħar jistgħu biss joffru servizz ta’ ħarsien u twissija. Jekk ikunu newtrali, kelmithom f’mumenti delikati tista’ tressaq elementi ta’ kompromess.

QRIB IĊ-ĊITTADIN 

Retorika politika li rrumblat bil-qawwi fl-aħħar snin kienet dwar kif il-politikanti jridu jibqgħu qrib il-poplu. Nammetti li kont wieħed li kkontribwejt bil-kbir ilu ħafna biex dir-retorika titlaq. U telqet bil-kbir għax kulħadd jużaha! Gvern u Oppożizzjoni u oħrajn li la se jkunu waħda u lanqas l-oħra kollha jiftaħru kemm iridu jkunu qribek!

Li wisq nibża’ milli nara madwari u nisma’ dwar x’qed jiġri hu li ċ-ċittadini li qribhom rridu nkunu qed jispiċċaw  ikunu l-canvassers tal-ministri jew tal-kelliema ewlenin fl-oppożizzjoni bil-familji kollha tagħhom. 

Ma tistax tgħid li dawn in-nies mhumiex parti mill-poplu. Huma. Imma r-referenza għal qrib iċ-ċittadini suppost ikollha tifsira aktar wiesgħa minn hekk… jekk niftakar tajjeb.

DRITTIJIET UMANI  

Ili nemmen fid-duttrina (ngħidilha Gollista) li hi kontra l-indħil fl-affarijiet interni ta’ pajjiżi barranin. Hekk jitlob ir-rispett tas-sovranità nazzjonali. Kontra din il-pożizzjoni kien hemm l-iżvilupp fl-aħħar deċennji tal-kunċetti dwar id-drittijiet tal-bniedem li daħlu fil-prattika tad-dritt internazzjonali biex ixellfu s-sovranità.

Nifhem u naqbel mal-idea kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħtieġa li jiġu rispettati. Nara wkoll il-possibbiltà li jistgħu jintużaw bħala għodda tal-kbar kontra ż-żgħar. Jew ta’ ċerti kbar kontra kbar oħra waqt li d-dnubiet ta’ uħud qishom jitwarrbu. Hekk per eżempju dwar ċerti ħidmiet ta’ Iżrael kontra l-poplu Palestinjan.

Min-naħa l-oħra, quddiem atti li twettqu bl-aktar mod lampanti diffiċli ma tiħux linja ta’ ġudizzju u kundanna. Bħal quddiem id-deċiżjonjiet tat-Talibani fl-Afghanistan li jeskludu lin-nisa mill-edukazzjoni. Jew id-deċiżjonijiet barbari tal-gvern Iranjan li jikkastiga anke bil-forka lil min jipprotesta kontra l-ilbies bilfors min-nisa ta’ xalla li tgħattilhom rashom u wiċċhom.

Ekonomija

Sport