Wednesday, April 24, 2024

Niġerjan mixli li daħal Malta b’100 kapsula droga fl-istonku

Aqra wkoll

Niġerjan li ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-ajruport wara li nqabad b’madwar kilo droga fl-istonku tressaq fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima lbieraħ filgħaxija . Huwa kien arrestat is-Sibt li għadda għall-ħabta tal-10.30 p.m.

Ruby Okeoma ta’ 35 sena minn Ħal Luqa, kien mixli b’importazzjoni, pussess u traffikar tad-droga kokaina. Huwa baqa’ jinżamm arrestat wara li minkejja li ma weġibx ħati għall-akkużi miġjuba kontrih ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-pulizija ġihom suspett fih wara li nnutaw jaġixxi b’mod suspettuż waqt li kienu qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fuq passiġġieri li kienu ġejjin minn Brussell.

Meta l-pulizija waqqfuh u fittxew fuqu ma sabulu xejn. Madankollu r-raġel baqa’ jidher aġitat u ma tantx beda jikkopera. Kien għalhekk li ntalbet aktar għajnuna u kelb tal-Pulizija beda jindika li r-raġel seta’ kellu xi ħaġa fl-istonku.

Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn sarulu testijiet b’X-ray u minn hemmhekk irriżulta li kellu aktar minn 100 kapsula ta’ droga suspettata kokaina bil-valur fit-triq jammonta għal kważi €130,000.

Sport