Sunday, December 22, 2024

Dinja tax-xogħol aktar miftuħa għall-ħtiġijiet tal-familji tal-lum

… ikomplu d-diskussjonijiet bejn il-GWU u l-kandidata għall-elezzjoni tal-PE Claudette Abela Baldacchino

Aqra wkoll

L-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union laqgħet lill-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino għal aktar diskussjonijiet bejniethom, li matulhom issemmew diversi temi li jolqtu lill-ħaddiema. Temi li l-kandidata qed tiltaqa’ magħhom fil-laqgħat li jkollha man-nies.

“Claudette għandha għal qalbha l-kawżi tal-ħaddiema u għalhekk fl-ambitu ta’ dawn id-diskussjonijiet tkellimna dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, il-mard, kif nistgħu ngħinu lill-ġenituri u kif nistgħu ngħinu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Abela Baldacchino qalet li kif matul din il-kampanja qed tiltaqa’ ma’ numru ta’ ħaddiema li qed ikellmuha fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, għaldaqstant qed tiddiskuti dawn it-temi partikolari mal-GWU li taraha bħala s-sħab ewlieni li magħhom tista’ tiddiskuti u tipproponi l-ideat u t-talbiet tan-nies.

“Dawn il-ħaddiema jixtiequ li minn dak li kien tradizzjonalment magħruf issa jkun hemm xift lejn il-benesseri tagħhom b’mod ħolistiku, titjieb fejn tidħol is-saħħa u sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol u anke barra mix-xogħol. Għalhekk qegħdin jitolbu aktar għajnuna fejn tidħol is-saħħa mentali, il-flessibilità, fosthom ir-remote working, li wara l-pandemija donnu reġa’ naqas drastikament kawża ta’ reżistenza minn min iħaddem, soċjalizzazzjoni bejniethom permezz ta’ aktar attivitajiet offruti mix-xogħol, kif jistgħu jtejbu s-saħħa fiżika permezz ta’ inizjattivi innovattivi mix-xogħol,” qalet il-kandidata għall-PE.

Issemmiet il-proposta tal-GWU fejn wieħed jista’ japplika għall-għażla ta’ 4 ijiem xogħol fil-ġimgħa – 10 sigħat kull darba, kif ukoll is-sapport li għandu jingħata lill-ġenituri meta jkollhom it-tfal ma jifilħux permezz ta’ introduzzjoni ta’ sick leave speċjali.

Diskussjonijiet li se jkomplu fil-futur qrib għal dinja tax-xogħol li tkun iktar miftuħa għall-ħtiġijiet tal-familji tal-lum hekk kif flimkien jemmnu li fl-aħħar mill-aħħar il-ħaddiema għandu jkollhom kundizzjonijiet ta’ xogħol dejjem aħjar.
 

Ekonomija

Sport