Wednesday, April 24, 2024

DIREZZJONI TAJBA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-baġit għas-sena 2023 telaq f’direzzjoni tajba, b’bilanċ raġonevoli bejn għanijiet soċjali u ekonomiċi. Ħaġa ċara li minkejja x’jintqal dwarhom, is-snin ta’ tmexxija ta’ wara l-2013 taw nifs qawwi u ġdid lill-finanzi publiċi. B’hekk żviluppa l-ispazju li qed jippermetti lill-gvern tal-lum jilqa’ għad-daqqiet ġejjin minn barra li mhumiex taħt il-kontroll tal-pajjiż. 

F’dal-qafas madankollu xorta jrid ikun hemm sens sod ta’ kif għandu jinżamm it-tmun finanzjarju għax it-tempesti għadhom idawruna. Il-fehma li għandu jsir kull ma hemm bżonn isir biex l-ekonomija tibqa’ rrankata hi korretta, dejjem sakemm normi ta’ ħarsien ambjentali jiġu osservati. 

  Il-ħtieġa li l-investimenti jkunu nkoraġġuti m’għandhiex titwarrab. Fiż-żminijiet li fihom ninsabu, l-aqwa tentazzjoni hi dik li fejn hemm bżonn tat-tqanċiċ, dan isir fl-investimenti billi jew jitwarrbu, jiġu posposti jew imtawla. X’aktarx hu impossibbli li tevita għal kollox xi tnaqqis fl-envelopp tal-investiment, u allura għall-gvern, l-aqwa test ta’ galbu jkun sa fejn se jħalli li dat-tnaqqis isir.

X’JASSUMI L-BUDGET

Baġit mhuwiex biss eżerċizzju li matulu jsiru l-kalkoli finanzjarji, għalkemm dawn huma kruċjali. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu fih iservu biex iqassmu r-riżorsi fil-pajjiż, b’kif jiġu ssettjati t-taxxi, il-pagi, il-benefiċċji soċjali, l-investimenti publiċi. Dak it-tqassim jinvolvi bil-kbir kwistjonijiet ewlenin ta’ politika.

Sadattant, l-istruttura kollha tibqa’ bbażata fuq numru ta’ assunzjnijiet (“assumptions”). Dwar kemm se tikber jew tonqos l-ekonomija. Dwar kemm se jiżdiedu l-prezzijiet. Dwar kif se jevolvu s-swieq tal-esportazzjoni.

Dis-sena aktar minn snin oħra, kemm se jkun effettiviv il-baġit 2023 se jiddependi minn kemm dak li jassumi dwar il-futur qarib se jkun qrib il-likk.

L-istess sfida qed tħuf madwar il-ministri tal-finanzi kollha tal-Ewropa.

KOALIZZJONIJIET JEW 2 PARTITI

Konna ngħidu kif id-differenza kbira bejn ir-Renju Unit u ħafna pajjiżi Ewropej kienet li tal-aħħar imexxu l-gvern per mezz ta’ koalizzjonijiet bejn diversi partiti, waqt li r-Renju Unit kien ikollu gvernijiet stabbli għax immexxija minn partit wieħed. Din l-aħħar stqarrija spiċċat skreditata fl-aħħar snin bit-taħwid li nqala’ f’kabinett Brittaniku wara l-ieħor.

Madankollu anke dak li kien jintqal dwar gvernijiet Ewropej ma tantx għadu jgħodd: il-koalizzjonijiet jiżguraw li ma titqanqalx polarizzazzjoni żejda fit-tmexxija politika u l-policies magħżula jkunu stabbli. Milli rajna jiġri fl-Italja bil-gvern ta’ Draghi u issa l-Ġermanja bil-gvern ta’ koalizzjoni hemm, mhux talli ma rajniex tmexxija politika stabbli, talli tista’ tgħidilha wkoll staġnata.

Il-verità hi li ż-żewġ mudelli, ta’ koalizzjoni u ta’ partit wieħed li jirbaħ u jmexxi, ma kinux flessibbli biżżejjed biex jilqgħu għall-avvenimenti straordinarji u mhux mistennija tal-aħħar snin. 

Sport