Basiru Diadama ta’ 25 sena mill-Gambja ntbagħat disa’ xhur ħabs wara li ammetta li ttraffika u kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt f’Paceville. Huwa kien arrestat mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga meta kien flimkien ma’ raġel ieħor – Franċiż ta’ 36 sena.
Minn tfittxija li saret fuq il-Franċiż, instab li fil-pussess tiegħu kellu sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis waqt li fuq l-imputat instabu diversi pakketti tal-kannabis li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu.
Diadama ġie mressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fejn ammetta l-akkużi ta’ traffikar u pussess tad-droga kif ukoll li wettaq dan ir-reat f’distanza ta’ 100 metru minn post fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kien ikkundannat disa’ xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €500.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Marshal Mallia. L-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għar-raġel mill-Gambja.