Shane Tashane Kambiri ta’ 28 sena mill-Ingilterra, li jaħdem bħala sewwieq ġie kkundannat għal disa’ xhur ħabs u mmultat €3,000, wara li nstab b’pussess ta’ kannabis waqt il-festival ‘Freedom Street’ f’Ta’ Qali.
Kambiri tressaq quddiem il-Qorti b’arrest fuq akkużi relatati ma’ pussess aggravat ta’ droga waqt l-avveniment li seħħ nhar it-13 ta’ Settembru.
L-inċident seħħ waqt tfittxijiet li l-pulizija wettqet fi stabbiliment f’Ta’ Qali matul il-festival, fejn fuq l-akkużat instabu 15-il qartas kannabis u għaxar pilloli. Kambiri ġie arrestat minnufih fuq il-post. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien se jmur lura pajjiżu nħar l-Erbgħa.
Madankollu, mill-inkjesta maġisterjali u t-testijiet li saru minn espert, irriżulta li l-għaxar pilloli ma kienu fihom l-ebda sustanza illegali. Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni mxiet b’akkużi esklużivament dwar il-pussess tal-kannabis.
Il-pussess kien ikkwalifikat bħala wieħed aggravat peress li ċ-ċirkostanzi u l-ammont indikaw li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, kif ukoll minħabba li r-reat seħħ f’ perimetru ta’ 100 metru minn post fejn is-soltu jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. “Nifhem x’għamilt u nitlob skuża lil kulħadd,” qal Kambiri lill-qorti. Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni qieset l-ammissjoni bikrija u talbet li tingħata piena lejn il-minimu permess mil-liġi. Id-difiża qablet ma’ din it-talba, filwaqt li enfasizzat li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija u għandu kondotta nadifa.
Il-qorti laqgħet dawn is-sottomissjonijiet u kkundannatu għal disa’ xhur ħabs flimkien ma’ multa ta’ €3,000.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Julian Scicluna mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Noelene Magro u Joseph Mallia. L-avukat Sarah Ciliberti dehret bħala għajnuna legali għall-akkużat.
