Tnediet il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport 2026, li bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru se twassal sensiela ta’ attivitajiet madwar Malta u Għawdex bil-għan li aktar persuni jiġu mħeġġa jagħmlu l-isport u l-attività fiżika parti mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Bit-tema #BeActiveYourWay, il-kampanja ta’ din is-sena qed twassal messaġġ illi kulħadd jista’ jsib il-mod tiegħu kif ikun aktar attiv, irrispettivament mill-età, mill-abbiltà jew mil-livell ta’ attività tiegħu. Għalhekk, matul il-ġimgħa se jinħolqu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fl-iskejjel, fil-komunitajiet, fil-postijiet tax-xogħol u permezz tal-għaqdiet sportivi, bil-għan li l-attività fiżika ssir parti aktar regolari mill-ħajja ta’ kuljum.
Il-programm ta’ din is-sena ġie ppreżentat waqt it-tnedija uffiċjali organizzata minn SportMalta, li tikkoordina l-inizjattiva f’Malta. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport se tlaqqa’ flimkien għaqdiet sportivi, skejjel, komunitajiet u msieħba oħra, b’firxa ta’ inizjattivi maħsuba biex iwasslu l-isport u l-attività fiżika għand aktar nies.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tifforma parti minn ħidma usa’ biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-isport u l-attività fiżika. Din tinkludi investiment fil-faċilitajiet sportivi, tisħiħ tal-grassroots u tal-klabbs, appoġġ lill-coaches u aktar opportunitajiet biex l-isport ikun miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd. L-għan huwa li aktar persuni jkollhom l-opportunità jibdew ikunu attivi u, fuq kollox, jibqgħu attivi lil hinn mill-inizjattivi ta’ din il-ġimgħa.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri qal li l-ambizzjoni tal-Gvern tmur lil hinn mill-attivitajiet organizzati matul din il-ġimgħa, u hija li aktar persuni jagħmlu l-isport u l-attività fiżika parti mill-ħajja tagħhom.
“L-għan tagħna mhuwiex Malta attiva għal ġimgħa, iżda Malta li tagħżel li tkun aktar attiva kuljum. L-isport u l-attività fiżika huma importanti mhux biss għas-saħħa fiżika, iżda wkoll għas-saħħa mentali u l-kwalità tal-ħajja. Irridu nibnu kultura li tibda mit-tfal tagħna, tikber maż-żgħażagħ u tibqa’ magħna tul ħajjitna. Bħala Gvern, irridu nkomplu nagħmlu l-ewwel pass aktar faċli għal kulħadd: billi ninvestu f’faċilitajiet ta’ kwalità, insaħħu l-klabbs u l-grassroots, nappoġġjaw lil dawk li jaħdmu kuljum fl-isport u nneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni. Għaliex qabel is-suċċess hemm il-parteċipazzjoni, u qabel kull midalja dejjem kien hemm l-ewwel pass,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri saħaq ukoll li din il-ħidma trid tibda minn età żgħira u li l-isport għandu jkollu post b’saħħtu fl-esperjenza edukattiva. Permezz tal-isport, it-tfal u ż-żgħażagħ mhux biss ikunu aktar attivi, iżda jitgħallmu d-dixxiplina, is-sagrifiċċju u l-importanza tal-impenn, filwaqt li jiżviluppaw ħiliet li jibqgħu magħhom fil-ħajja. L-iskejjel għalhekk għandhom ukoll ikunu spazji fejn it-tfal jingħataw l-opportunità jiskopru sport, jiskopru t-talent tagħhom u jibnu relazzjoni pożittiva mal-attività fiżika minn età żgħira.
Il-Koordinatur Nazzjonali tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, Rose Marie Mercieca, spjegat li l-inizjattiva għandha l-għan li tħeġġeġ aktar persuni jipparteċipaw fl-isport u fl-attività fiżika bħala parti minn stil ta’ ħajja aktar sana.
“Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tħeġġeġ lin-nies jagħmlu aktar attività fiżika u sport, bil-għan li jadottaw stil ta’ ħajja aktar sana. Bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru, diversi organizzazzjonijiet se jieħdu sehem permezz ta’ attivitajiet sportivi u ta’ attività fiżika. Il-ġimgħa tilħaq il-qofol tagħha nhar is-Sibt, 26 ta’ Settembru, fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, fejn SportMalta se toffri firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi u attivitajiet ta’ fitness mill-17:00 ’il quddiem, segwiti minn kunċert mużikali,” qalet Mercieca.
Il-programm huwa miftuħ għal kull età u abbiltà u jinvolvi firxa wiesgħa ta’ msieħba. Fost l-inizjattivi se jkun hemm ukoll attivitajiet marbuta mal-logħob sportiv tradizzjonali, biex flimkien mal-promozzjoni ta’ dixxiplini u forom differenti ta’ attività fiżika jingħata spazju wkoll lill-wirt sportiv lokali.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija inizjattiva annwali tal-Kummissjoni Ewropea li ilha mill-2015 tippromwovi l-messaġġ #BeActive madwar l-Ewropa. F’Malta, din il-ħidma hija koordinata minn SportMalta u titwettaq permezz ta’ kollaborazzjoni mal-iskejjel, il-kunsilli lokali, il-postijiet tax-xogħol, l-organizzazzjonijiet sportivi, l-NGOs u msieħba oħra.
