Saturday, December 21, 2024

DISKORS TA’ OBAMA

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

L-eks President tal-Istati Uniti Barack Obama għadu bil-ħila biex fi ftit ħin jippreżenta panorama ta’ strateġija politika li tiġbor fiha l-aqwa għerq ta’ proġett politiku avventuruż, ħaj u qalbieni.

L-indirizz tiegħu ta’ ftit aktar minn seba’ minuti lill-gradwati tal-universitajiet Amerikani li jiġbru fihom l-aktar, studenti “suwed”, spikka fuq kull livell – ta’ emozzjoni, analiżi skjett u ċar, realiżmu politiku imma b’viżjoni. Kollox b’ton kalm li minnu l-ottimiżmu ma naqasx.

Lil-lawrjati ġodda ferħilhom waqt li għadirhom li kellhom jiggradwaw fi żminijiet eċċezzjonalment diffiċli. Fakkarhom li l-ġenerazzjoni tagħhom tinsab fl-aħjar qagħda biex tnaqqas l-inugwaljanzi li s-suwed għadhom ibatu minnhom fl-Istati Uniti. Ta pariri dwar kif dan jista’ jsir. Saħaq fuq il-punt li waħidhom, is-suwed ma jistgħux jaslu. Iridu jieħdu sehem f’alleanza wiesgħa ma’ dawk kollha li jinsabu mgħakksa.

B’sentenza jew tnejn wera x’opinjoni fqira għandu tat-tmexxija tal-lum fl-Istati Uniti.  Sew għamel.

NEGOZJATI TWAL 

Hi ħaġa ċara li l-Unjoni Ewropea kellha u qed ikollha diffikultajiet kbar biex tieħu miżuri qawwija u radikali bħala Unjoni, biex l-Ewropa tirkupra ekonomikament mid-daqqa enormi tal-corona virus.  

Kemm se tasal għad irridu naraw, anke wara l-qbil bejn Merkel u Macron aktar kmieni dil-ġimgħa. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea von der Leyen wegħdet li sal-aħħar ta’ Mejju, jkollha proposti konkreti u kbar.

Wieħed jista’ jkun żgur li von der Leyen sal-aħħar tkun qed titkellem mal-gvernijiet differenti biex tfassal programm li jkollu kemm jista’ jkun qbil. Bħala Ġermaniża, kienet fl-aħjar pożizzjoni biex tikkonvinċi lill-gvern ta’ Merkel iċaqlaq il-pożizzjonijiet tiegħu li żammew lura inizjattivi qawwija li riedu jieħdu l-Franċiżi u l-Ispanjoli, biex ma nsemmux lit-Taljani. 

Il-mistoqsija: von der Leyen se tasal ma’ gvernijiet oħra?… jew baqa’ aktar ġimgħat qabel l-Ewropa tiftiehem dwar kif se ttellaq irkupru ekonomiku għal kulħadd?

BLA SPORT

Niskanta meta naħseb fin-numru ta’ nies li bit-telefown jew mod ieħor kellmuni u kkuntattjawni biex jitkellmu dwar l-akbar dwejjaq li kellhom f’ħajjithom fl-aħħar ġimgħat.

Mhux li jinsabu magħluqa d-dar bla ma jaraw lill-familjari u ħbiebhom. Jew li ma jistgħux jieklu barra. Jew li qed jintefħu għax mhumiex jagħmlu l-eżerċizzju li kienu jagħmlu qabel u qed jieklu aktar milli suppost biex jgħaddu l-ħin.

Imma għax mhux qed jaraw aktar futboll fuq it-televixin, jew l-isport preferit tagħhom. Fost tal-aħħar issemmew boxing u tlielaq tal-karozzi. Bla dubju, l-aktar li semmewli madankollu kien il-futboll.

Mhux ta’ b’xejn li r-Rumani kienu jsostnu kif biex iżżomm liċ-ċittadini kuntenti trtid tassiguralhom l-ikel u ċ-ċirkli.

Ekonomija

Sport