Wednesday, April 24, 2024

L-UNJONI EWROPEA U T-TELLIEQA L-KBIRA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Bdiet u se tibqa’ għaddejja għal xi snin, it-tellieqa l-kbira bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina għal min se jispiċċa s-Superpotenza dinjija. Malajr malajr, iċ-Ċina rrankat u għadha qed tirranka. Diġà ntqal publikament fl-Istati Uniti, taħt l-amministrazzjoni ta’ Trump u issa ta’ Biden, li l-awtoritajiet Amerikani qed jaraw dil-biċċa bħala l-aqwa sfida ġeo-strateġika li pajjiżhom se jkun qed jaffaċċja.

F’dan l-isfond, x’għandha tkun il-pożizzjoni li tieħu l-Unjoni Ewropea? Kważi ħadd fi ħdanha ma jara li hi għandha xi ċans li tindiehes fit-tellieqa biex “tgħaddi” liż-żewġ kontestanti l-oħra.

Allura għandha tibqa’ newtrali? Jekk le, lil min se tagħżel biex tappoġġja? Ħafna, inklużi akkademiċi ta’ ħila, jassumu li għal raġunijiet storiċi u minħabba li t-tnejn jaqsmu l-istess valuri (jew hekk jgħidu) l-Ewropa għandha tappoġġja lill-Istati Uniti. Oħrajn isostnu li b’sens ta’ realpolitik, l-Ewropa trid tqis kemm saret marbuta maċ-Ċina li issa hi l-aqwa sieħeb kummerċjali tagħha.

Il-kwistjoni għadha ma nqatgħetx u għadhom imdendlin il-kriterji li l-Unjoni teħtieġ biex tasal għal deċiżjoni… jekk se jkun hemm waħda.

***

KONFERENZA TAL-ISPEAKERS

Bilkemm titwemmen id-deċiżjoni tal-erba’ eks-Speakers tal-Parlament Malti fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti: ibbokottjaw is-simpożjum li kellu jorganizza l-iSpeaker tal-lum Anġlu Farrugia għal diskussjoni dwar l-andament tal-Parlament, fejn kienu mistiedna jitkellmu. Ir-raġuni li ġabu kienet li bħalissa, bil-kriżi li l-pajjiż qed jaffaċċja, mhux żmien għal diskussjoni bħal dik proposta.

M’hemmx mod ieħor kif tinterpreta dil-mossa ħlief bħala manuvra partiġġjana. Għax fil-verità, jekk dak li qalu dwar kriżi għandu jittieħed bħala verità, hu aktar minn żmien tajjeb bħalissa għal diskussjoni matura dwar il-Parlament… u ngħidu aħna, kemm serviet u qed isservi din l-istituzzjoni bħala għodda demokratika u effettiva biex tissalvagwardja l-kontabilità u t-trasparenza fit-tmexxija publika.

***

GĦAQDA TAL-MALTI (UNIVERSITÀ)

Kont mingħalija li l-Għaqda tal-Malti (Università) ilha li ċediet l-armi u għalqet. Mentri li le. Qrajna dwar kif il-kumitat li jmexxiha iġġedded għas-sentejn li ġejjin bi tmexxija żagħżugħa. L-Għaqda għandha storja li tmur lura d-deċennji. Serviet ta’ spiss biex tikkristalizza l-interess fil-Malti bħala lingwa għall-użu fil-ħajja ta’ kuljum u bħala ilsien letterarju. Uħud mill-istudenti protagonisti tagħha saru pilastri tal-espressjoni letterarja f’pajjiżna.

Bla dubju, quddiem l-iżviluppi profondi li qed iġġib it-teknoloġija tal-internet u tal-kompjuters fil-modi kif nikkomunikaw, il-Malti jeħtieġ min jibqa’ jinteressa ruħu fih u jindokrah ħalli jirkeb fuq il-mewġa diġitali, mhux jegħreq taħtha.

Bla żgħażagħ li juru impenn f’dil-ħaġa, dan l-isforz ma jistax ikollu nifs twil. Nawgura kull suċċess f’ħidmiethom lill-membri tal-kumitat il-ġdid tal-Għaqda.

Sport