Wednesday, December 25, 2024

Diskussa l-kwoti ġodda tas-sajd għall-2022

Aqra wkoll

Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura fi Brussell, li għalih attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, ġew innegozjati l-kwoti tas-sajd għas-sena 2022, fosthom dawk tat-tonn, tal-pixxispad u tal-gambli.

Fil-laqgħa ġew approvati l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-pjan ta’ kontinġenza għall-iżgurar tal-provvista tal-ikel kif ukoll għas-sigurtà tal-ikel fi żminijiet ta’ kriżi. Dan il-pjan mistenni jinkludi diversi miżuri fosthom kif l-Unjoni Ewropea tista’ ttejjeb il-komunikazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-istati membri fi żminijiet ta’ kriżi. Il-ministru wera apprezzament għall-presidenza li rrikonoxxiet il-vulnerabbiltajiet u l-insularità li jiffaċċjaw gżejjer bħal Malta u Għawdex.

Ġew diskussi wkoll il-prattiċi kummerċjali inġusti li hemm fil-katina tal-provvista tal-ikel. Permezz tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, Malta għandha l-ewwel leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip bil-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-produtturi żgħar tal-ikel kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut. Dawn ivarjaw minn numru ta’ prattiċi kummerċjali inġusti li jinkludu l-industriji, in-negozji u x-xerrejja minħabba li huma ferm aktar b’saħħithom finanzjarjament.

Għal darba oħra, Malta esprimiet tħassib dwar is-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha s-settur tal-majjal, fejn ġiet riflessa l-istess pożizzjoni li ngħatat f’kunsilli preċedenti, dik li l-industrija tal-majjal fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżna tinsab f’sitwazzjoni kritika u teħtieġ azzjoni immedjata.

Parti minn din is-sitwazzjoni ġejja miż-żieda kostanti fil-prezz tal-għalf, li qed tikkawża tħassib kbir fost il-produtturi tal-bhejjem. Minħabba f’hekk, Malta appellat u enfasizzat mal-Kummissjoni biex tikkunsidra li toffri għajnuna diretta lir-raħħala tagħna sabiex itaffu mill-ispejjeż żejda li qed jaffaċċjaw.

Ekonomija

Sport