Saturday, November 2, 2024

Diskussi l-emendi fil-liġi tal-kera

Il-Ministru Galdes jgħid li dawn l-emendi se jkomplu joħolqu l-istabbiltà fis-settur

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament bdew jiġu diskussi l-emendi fil-liġi tal-kera li huma bbażati fuq erba’ prinċipji ewlenin. Dawn huma t-tisħiħ fl-infurzar, is-simplifikazzjoni tal-proċess biex wieħed jirreġistra kuntratt, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunitajiet tagħna.

Fil-ftuħ ta’ dan id-dibattitu parlamentari, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li jinsab sodisfatt li qed jingħata bidu għall-proċess parlamentari biex ikunu indirizzati r-realtajiet preżenti fis-settur tal-kera.

Huwa qal li tliet snin ilu, dan il-Gvern kellu l-kuraġġ li għal riforma waħda jagħmel tnejn – dik li jirregolarizza s-settur tal-kera modern u dik li permezz tagħha ġiet indirizzata l-anomalija tal-kirjiet ta’ qabel l-1995.

“Illum, ilkoll nafu, anke jekk forsi mhux kulħadd jammetti, li l-introduzzjoni ta’ dawn iz-żewg leġizlazzjonijiet ħallew il-flus fil-bwiet tan-nies u salvaw is-soqfa li taħthom kienu jgħixu madwar 10,000 anzjan,” qal il-Ministru Galdes.

“Illum, erġajt qiegħed quddiemkom, bl-istess kuraġġ, biex flimkien nemendaw l-Att li jirregolarizza l-Kirjiet Residenzjali Privati u nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet għal u flimkien mal-inkwilini, is-sidien u l-komunitajiet tagħna.”

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli kompla jgħid li bħalissa l-Awtorità tad-Djar tirregola total ta’ 57,000 kuntratt. Qal ukoll li fl-aħħar snin il-Gvern ra kif jista’ jissimplifika l-proċessi li jmissu mas-settur pubbliku. “Hekk se naraw li nagħmlu f’dan il-każ ukoll. 

“Dejjem bqajna naraw kif niffaċilitaw il-ħajja u nissimplifikaw il-proċess ta’ kif sid jirreġistra kuntratt jew kif sid jissostitwixxi inkwilin ma’ ieħor,” qal il-Ministru Galdes li għamilha ċara li l-ebda emenda li qed iressqu mhi intiża biex tfixkel jew twaqqaf lis-settur jew li jikkastigaw lis-sidien ġenwini.

“Fl-istess waqt u mingħajr ebda tidwir tal-lewża – m’aħniex se nħallu sidien, jekk nistgħu nsejħulhom hekk, li minħabba r-rgħiba tagħhom jtappnu r-reputazzjoni ta’ dawn s-sidien li huma ġenwini u fuq kollox ir-reputazzjoni li bena s-settur tal-kera fl-aħħar snin. 

“Fuq kollox irridu nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem kif stipulat u enfasizzat fil-liġijiet internazzjonali u universali. Ħa mmur pass oltre, se naraw li kull ġar, kull komunità madwar Malta u Għawdex jgħixu f’serħan il-moħħ.”

“It-track-record tagħna fis-settur tal-housing u dak tal-kera, jitkellem waħdu. Huwa xhieda ċara li dejjem ħadna l-aħjar deċiżjonijiet. Deċiżjonijiet li wasslu għal soluzzjonijiet konkreti u li għamlu differenza konkreta fil-ħajja tan-nies,” tenna l-Ministru Galdes.

“Differenza konkreta fil-ħajja ta’ dik l-omm li qabel kienet tgħix bil-biża li minn mument għall-ieħor ġej is-sid tal-kera jgħidilha li ħa togħla l-kera bla ebda notifika.

“Differenza konkreta fil-ħajja ta’ dik il-pensjonanta li kellha post li qiegħda tikrih biex ikollha introjtu żgħir addizzjonali, u li kienet taqta’ qalbha tmur il-Qrati meta jagħmlulha ħsarat fl-appartament li kienet tikri u jkollha tispiċċa toħroġ l-ispejjez minn ġewwa hi.

“Differenza konkreta fil-ħajja ta’ min iħaddem li qabel kien jaffaċċja l-problemi li kienu jinqalgħu lil ħaddiema barranin tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ stabbilità u serjetà li kien hawn f’das-suq.”

Fl-aħħar nett, il-Ministru Galdes qal li dawn l-emendi u d-diskussjoni li se tkun qed timmatura se tkompli toħloq l-istabbiltà. Huwa wiegħed li f’dan il-proċess parlamentari se jkomplu jkunu miftuħin għad-djalogu biex ikomplu jibnu fuq dak li diġà sar.

Sport