Sunday, May 5, 2024

“Niddejjaq nara reklami għal kiri mimlija b’sodod fuq xulxin”

- is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li tiddejjaq tara reklami bħalma kien hemm fuq Facebook Marketplace għal kiri mimlija b’sodod fuq xulxin u kważi jmissu ma’ xulxin. “Huwa għalhekk li qed issir din il-liġi biex jinqata’ dan l-abbuż minn fuq is-suq tal-kirjiet,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Fl-istess waqt, hija esprimiet id-dubji serji tagħha dwar kemm ikun hemm iġjene fi proprjetajiet bħal dawn u anke faċilitajiet diċenti. “Fir-responsabbiltà tiegħi bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ugwaljanza li nagħmlu kull mezz biex abbużi u ħniżrijiet bħal dawn ma jibqgħux isiru għaliex imorru kontra d-dinjità tal-bniedem.

Fil-verità jkunu qed jiġu sfruttati persuni vulnerabbli,” kompliet tgħid Buttigieg. Innotat ukoll li b’dawn l-emendi, l-Awtorità tad-Djar mhux se tkun tista’ tirreġistra aktar kuntratti ta’ kirjiet residenzjali privati jekk ikun hemm aktar minn 6 kerrejja f’dik l-istess proprjetà.

Fl-istess waqt, il-liġi se tiġi mtejba b’tali mod li titnaqqas il-burokrazija żejda li kien hemm għal sidien ta’ proprjetajiet. Buttigieg qalet ukoll li b’riżultat ta’ dawn l-emendi, is-sistema kompjuterizzata tal-Awtorità se tiġi aġġornata biex tippermetti lis-sidien tal-proprjetajiet ikunu jistgħu jissostiwixxu kerrej ma’ ieħor meta għal xi raġuni jew oħra dik il-kirja bi ftehim mas-sid tkun tiġi mtemma u flokha tidħol persuna oħra.

Hija temmet tgħid li din il-liġi hija prova oħra ta’ kemm dan il-Gvern dejjem lest jagħmel ir-riformi li jkun hemm bżonn skont ir-realtajiet soċjali u ekonomiċi ta’ pajiżna. Dan għaliex huwa Gvern sensittiv għall-ħtiġijiet tan-nies u tal-pajjiż.

Sport