Friday, November 22, 2024

Diskussjonijiet dwar kodiċi fl-industrija tal-kostruzzjoni

... l-abbozz finali se jittratta t-twaqqigħ ta' bini u l-iskavar

Aqra wkoll

Qed isiru diskussjonijiet dwar kodiċi fl-industrija tal-kostruzzjoni, partikolarment fl-oqsma tal-iskavar, twaqqigħ u bini, sabiex eventwalment jitfassal avviż legali dwarhom. Qal dan il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Sofia huwa ż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tilef ħajtu b’mod traġiku fit-3 ta’ Diċembru 2022 meta ġġarrfet binja fil-qasam industrijali ta’ Kordin.

Fix-xhieda tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma wkoll li għaddejja ħidma sabiex issir reviżjoni fil-koperatura tal-assigurazzjoni.

Dawn id-dettalji tahom fi tweġiba għal mistoqsija li saritlu mill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, President tal-Bord tal-Inkjesta, b’rabta mal-irwoli u l-koordinazzjoni bejn il-BCA, l-OHSA, u l-Awtorità tal-Ippjanar.

Jixhdu l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta u l-Avukat Jason Azzopardi

Waqt is-seduta ta’ dalgħodu xehed ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, il-Kurunell Mark Mallia.

Huwa sostna li l-Aġenzija kienet dejjem responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi ta’ residenzi fejn jidħlu persuni minn pajjiżi terzi. Xehed li l-Unjoni Ewropea kienet għaqqdet il-permess tax-xogħol mal-permess tar-residenza.

Il-Kurunell Mallia xehed li min iħaddem għandu jkollu l-permessi mill-Jobsplus għall-persuni kollha li jkunu jaħdmu miegħu u jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi.

Xehed li wara li jkun hemm l-applikazzjoni, minn hemm jibda l-proċess ta’ verifika fosthom mal-pulizija. Wara li jsiru l-verifikazzjonijiet kollha, imbagħad Identity Malta toħroġ il-permess fil-prinċipju. Il-ħaddiem wara li jasal Malta jkollu jieħu d-dokumenti kollha oriġinali biex isiru l-biometrics u jkun hawn li jingħata permess ta’ xogħol u residenza għal sena.

Iċ-Chairman tal-inkjesta staqsa dwar jekk jintalbux provi dwar il-ħiliet tal-impjegat li jkun qed jitlob permess. Mallia fehem li l-ħiliet jintalbu mill-Jobsplus.

Xhud ieħor fis-seduta kien l-Avukat Jason Azzopardi li talab hu stess li jixhed fl-inkjesta. L-Avukat Azzopardi qal li wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia kien ġie avviċinat minn uffiċjal tal-Gvern fejn dan għaddielu draft ta’ leagal notices li kienu ffirmati mill-Ministru Aaron Farrugia, mis-Segretarju Parlamentari Chris Agius u miċ-Chairman tal-BCA.

Qal li l-istess uffiċjal kien tah minuta ta’ Mario Cutajar dwar diskussjonijiet li kienu saru fil-kabinett fit-13 ta’ Jannar tas-sena li għaddiet.

L-inkjesta se tkompli tinstema’ nhar il-Ġimgħa li ġej, 22 ta’ Settembru.

Sport