Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ddikjarat li fl-aħħar ġimgħat inbdew diskussjonijiet interni u ma’ stakeholders differenti dwar sistema elettorali aktar aċċessibbli.
Hija ħabbret dan waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji għall-Ministeru tal-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur kif imħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li jridu jkunu esplorati modi dwar kif fl-elezzjonijiet, it-teknoloġija assistiva tista’ tgħin aktar lill-persuni b’diżabilità. “Dan hu l-Gvern tar-riformi u ma rridu qatt nieqfu milli nbiddlu għall-aħjar dan il-pajjiż,” hija żiedet tgħid.
Hija kompliet tgħid li għall-Ministeru li tiegħu hija responsabbli, hemm allokati €56 miljun għas-sena 2023. Qalet li dan il-budget se jkun qed jattwa xejn inqas minn 11-il wegħda elettorali fis-setturi li hija tirrappreżenta.
Meta kienet qiegħda titkellem dwar is-settur tad-diżabilità, il-Ministru Farrugia Portelli ħabbret li ftit tal-jiem oħra se tasal f’pajjiżna l-ewwel vettura li tħaddan il-kunċettt tad-Drive from Wheelchair.
“Persuna f’siġġu tar-roti tkun tista’ tibqa’ fis-siġġu tar-roti u titgħallem issuq il-karozza – lezzjonijiet tas-sewqan bla ħlas lil dawn il-persuni. Din hi l-indipendenza li rridu ninvestu fil-persuni tagħna,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Hija tkellmet ukoll dwar is-settur tal-volontarjat u qalet li għas-sena 2023, Gvern Laburista se jkun qed jalloka €3.6 miljun għall-għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin. Hawn fakkret kif fl-2012, l-allokazzjoni għall-għaqdiet volontarji kienet ta’ €130,000.
Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet ukoll kif matul l-2022, fuq il-portal tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) kien hemm 27 skema li minnha l-għaqdiet volontarji wettqu proġetti importanti għall-benefiċjarji.
Hija saħqet li hija tħares ‘il quddiem biex fix-xhur li ġejjin permezz tal-miżura mħabbra fil-Budget 2023 tal-One Stop Shop għall-għaqdiet volontarji tissokta l-ħidma biex ikunu ssimplifikati u ffaċilitati l-proċessi.